Internazzjonali

Stati Uniti: L-għajnejn kollha fuq Biden u Sanders waqt il-primarji ta’ sitt Stati

L-Istat ta’ Michigan hu ‘il-premju kbir’ għall-isfidanti tal-Partit Demokratiku li wieħed minnhom, f’Novembru, irid jisfida lill-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump, għat-tmexxija tal-pajjiż.

Bħalissa għaddej proċess ieħor ta’ primarji għad-Demokratiċi f’sitt Stati – bil-ħamsa l-oħra jkunu Washington, Idaho, Mississippi, Missouri u North Dakota.

F’dan il-proċess, il-kandidati qed jisfidaw lil xulxin għall-appoġġ ta’ aktar minn 350 delegat tal-Partit Demokratiku, bl-eks Viċi-President Amerikan, Joe Biden, jidher favorit wara li kien rebaħ f’għaxar Stati oħra waqt il-proċess ta’ Super Tuesday ta’ ġimgħa ilu.

Madankollu, is-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders – l-avversarju ewlieni ta’ Biden għan-nomina tad-Demokratiċi għall-White House –qiegħed jikkompeti f’numru ta’ Stati li kienu tawh rebħa fil-primarji tal-2016.

L-aħħar eżerċizzji ta’ stħarriġ f’Michigan kienu qed jindikaw vantaġġ ta’ bejn 22.6 u 24 punt għal Biden fuq Sanders.

Intant, is-sinjali minn Washington kienu li Joe Biden fetaħ vantaġġ minimu fuq Sanders (li sa ftit ilu kien qed jitqies bħala l-favorit fl-Istat) grazzi għall-ispinta li qabad l-eks Viċi-President wara s-suċċessi tiegħu ta’ Super Tuesday. L-Istat ta’ Washington irid jibgħat 89 delegat għad-delegazzjoni ‘finali’ tal-Partit Demokratiku matul is-sajf li ġej u Bernie Sanders kien kiseb rebħa impressjonanti hemmhekk, erba’ snin ilu.

Is-sinjali minn Missouri u Mississippi wkoll kienu qed jindikaw vantaġġ għal Biden waqt li l-Istat ta’ Idaho kien ‘miftuħ għal kull riżultat’ meta ma pprovdiex indikazzjonijiet dwar fejn jista’ imur il-vot tallum.

L-Istat ta’ North Dakota se talloka erbatax-il delegat skont ir-riżultat tal-caucuses, iżda anki  f’dan l-Istat, ma kienx hemm sinjali ċari ta’ ‘favoriti’. L-osservaturi, intant, fakkru li Bernie Sanders kien ħareġ tajjeb ħafna mill-caucuses tal-2016 f’dan l-Istat anki jekk dan ma jfissirx li Biden ma setax idawwar l-appoġġ tad-Demokratiċi lokali favur tiegħu.