Lokali

Tissokta l-ħerba f’Santa Luċija

Dlam ċappa u geġwiġija sħiħa fi Triq Joseph Burlò f’Ħal Tarxien wara li ssokkta x-xogħol b’rabta mal-proġett tal-mina f’Santa Luċija.

Residenti li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet saħqu li s-sitwazzjoni mill-bieb ‘il barra ta’ djarhom sejra mill-ħażin għall-agħar mingħajr kontroll ta’ xejn.

Ingħad li fuq il-post m’hemm l-ebda dwal u sinjali u wisq inqas preżenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta u/jew uffiċjali tal-LESA sabiex jikkontrollaw it-traffiku – bil-konsegwenza li f’mument minnhom saħansitra kellha tirriversja triq sħiħa lura karozza tal-linja – minn triq dejqa.

Din it-tħarbita qed iġġib ukoll il-qerda ta’ ftit natura li fadal fl-akwati. Qalb it-tħaffir, trab u konkos – qed jitqaċċtu wkoll diversi siġar. Din id-darba mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ser ikunu qed jinqalgħu tal-inqas 4 siġriet oħra sabiex jagħmlu spazju għal bus stop.