Tħabbret il-mewt tal-eks amministratur Tyrone Demanuele fl-età ta’ 58 sena. Demanuele hu isem sinonimu mal-futbol lokali b’mod partikolari ma’ Gżira United, il-klabb li miegħu serva għal 17-il sena, fosthom sentejn bħala President.
Hu dam diversi snin fl-irwol ta’ Segretarju tal-klabb u ta l-akbar kontribut tiegħu meta l-klabb Gżirjan ma kienx fl-aqwa żminijiet tiegħu. Wara li spiċċa mill-kumitat, Demanuele baqa’ jagħti s-sapport kontinwu lil Gżira United.
Hu kien ukoll membru tal-Kunsill tal-MFA f’isem Gżira United kif ukoll bħala membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA. L-impenn tiegħu għal diversi snin għamluh persuna rispettata fil-komunità tal-futbol lokali.
F’kitba fuq il-paġna uffiċjali tagħhom, Gżira United iddeskrivew lil Tyrone Demanuele bħala “wieħed minn uliedu.” Il-klabb ħabbar li sa nhar is-Sibt li ġej se jkun qed josserva jiem ta’ luttu.
//= $special ?>