Knisja Lokali

Titħassar il-festa esterna ta’ San Ġużepp tar-Rabat minħabba r-restrizzjonijiet tal-Coronavirus

Dik li kellha tkun għall-Ġużeppini bħala festa speċjali għaċ-ċelebrazzjoni tal-150 sena anniversarju minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali, kellha titwaqqaf ħesrem kawża tar-restrizzjonijiet introdotti b’rabta mal-Coronavirus.

L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u l-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu ġie deċiz li l-festa esterna kif ukoll il-purċissjoni ta’ San Ġużepp għal din is-sena ser tkun qed tiġi kkanċellata wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar miżuri ta’ restrizzjoni fuq avvenimenti tal-massa.

Bħal nhar il-Hamis 19 ta’ Marzu, eluf ta’ persuni jinġabru fir-Rabat jiċċelebraw din il-festa -madanakollu issa, ankè bħala prekawzzjoni ma jistgħux jinġabru aktar minn 2,000 persuna f’post fil-mituħ.

Mill-ewwel indikazzjonijiet kien l-Arċisqof Charles Scicluna nnifsu li talab li għal din is-sena, il-festa esterna tiġi kanċellata.

Sadanittant ġie spjegat li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Knisja ta’ Sidtna Marija ta’ Ġesù ser ikunu qed iseħħu. Dawn jinkludu fost oħrajn il-jiem tat-Tridu, u l-Quddiesa solenni tal-festa.