Lokali Qorti

Warden jammetti li seraq €500 fi fjuwil għad-dannu tal-LESA

Warden ta’ 25 sena ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta fil-Qorti li seraq kważi €500 fi fjuwil għad-dannu tal-Aġenzija tas-Sistemi tal-Infurzar Lokali, magħrufa bħala LESA, li hija l-kumpanija li timpjegah.

Malcolm Gilford miż-Żurrieq, ammetta li ħa l-petrol meta l-buttuna li qiegħda hemm biex wieħed jirregola t-teħid tal-fjuwil ma kinitx fil-post, f’pompa tal-petrol patrikolari.

L-Ispettur Robert Vella li ressaq lil Gilford, qal li filmati minn fuq is-CCTV kienet użata biex tidentifika l-karozzi u muturi li kienu qegħdin jieħdu l-fjuwil mill-pompa. Il-filmati wrew ukoll raġel jimla’ l-fjuwil permezz ta’ kontenituri.

Gilford, qalet il-Prosekuzzjoni kkopera mal-Pulizija u ammetta s-serqa hekk kif kien arrestat. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wissietu li jista’ jispiċċa jiġi kundannat 16-il xahar ħabs fuq dan il-każ, anke jekk jammetti.

Minkejja din it-twissija huwa nsista li kien se jammetti u kundannatu 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Hija ordnatlu jħallas lura lil LESA €477 tal-fjuwil li seraq. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għall-warden.