Lokali Parlament

Appell biex jiddaħħal il-mudell Nordiku u mhux dak użat fi New Zealand dwar il-prostituzzjoni

Numru ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet li jaħdmu fis-settur soċjali u man-nisa vulnerabbli appellaw lill-gvern biex fil-prostituzzjoni Malta tmur lejn il-mudell Nordiku u ma jiddaħħalx il-mudell li hu wżat fi New Zealand għaliex dan il-mudell ma jirrispettax lill-mara.

Dan l-appell sar fis-seduta tal-Kumitat Paramentari għall-Affraijiet Soċjali li qed jiddiskuti r-riformi fil-prostituzzjoni u t-traffikar tal-persuni.

Għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Claudio Grech, Ivan Bartolo, Maria Deguara waqt li għall-gvern ipparteċipaw is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u d-deputat Laburista u Chairman tal-Kumitat Etienne Grech.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li mir-riċerka tal-Oppożizjzoni rriżulta li hemm sites ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra l-isfrttament tan-nisa vulnerabbli fejn fosthom hemm video dwar l-effetti tal-prostituzzjoni fuq in-nisa vulnerabbli. Dan il-video intwera fis-seduta tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali.

Marie Therese Gatt mill-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza tkellmet dwar il-mudell li jintuża fi New Zealand u qalet li dan il-mudell jipproteġi lill-ħaddiema u tirreferi għall-prostituti bħala ħaddiema tas-sess. Hi sostniet li l-prostituzzjoni mhijiex xogħol iżda hi abbuż fejn ħafna jkunu vittmi għaliex m’hemmx libertà, fiha l-abbuż, m’hemmx sigurtà, hemm il-vjolenza u l-qtil u m’hemmx dinjità.

Marie Therese Gatt qalet li l-mudell ta’ New Zealand kien introdott fl-2003 bl-iskop li jipproteġu lill-ħaddiema tas-sess u jdaħħlu s-sigurtà. Dan bl-iskop li l-ħaddiema tas-sess jkollhom il-benefiċċji normali bħall-ħaddiema. Il-ħaddiema tas-sess jaħdmu bħala self employed. Irriżulta li l-massage parlours reġgħu bdew jissejħu briedel u kollox seta’ jsir bil-miftuħ inkluż tlajjar.

Il-massage parlours bdew jgħollu l-ħlasijiet u saru negozji kbar fejn kien hemm il-kompetizzjoni fejn l-all inclusive saret offerta li fiha tingħażel mara u magħha jsir dak kollu li jrid ir-raġel.

Il-prostituti qed ikollhom jqogħodu għall-kundizzjonijiet bħal kull ħaddiem ieħor bil-pimps isiru negozjanti u jikkontrollaw kollox huma.

L-irġiel jistgħu jagħmlu li jridu; jixtru n-nisa u jagħmlu li jridu bihom. In-nisa li jirrifjutaw jispiċċaw jissawtu mill-irġiel. Is-sigurtà marret għall-agħar għaliex il-poter jinsab kollu għand l-irġiel.

Dan il-mudell għamel lin-nisa iktar vulnerabbli quddiem l-irġiel. F’dan il-briedel ikun hemm ħafna miżuri ta’ sigurtà bħal cameras u buzzers għall-prostituzzjoni iżda li jiġri hu li meta jaslu l-pulizija, l-post jingħata impressjoni ħażina u jintilef in-negozju. Dan iwassal biex in-nisa qed jieħdu inqas flus u qed jaħdmu għal ftit minħabba l-kompetizzjoni.

Marie Therese Gatt qalet li żdiedu wkoll il-gangs li jaqbdu t-tfal żgħar u jdaħħluhom fil-prostituzzjoni. Dan filwaqt li żdiedet il-kriminalità waqt li l-istigma żdiedet.

Fi New Zealand hemm union għall-prostituti iżda l-maġġoranza tal-prostituti huma nies vulnerabbli. Hi qalet li ilhom sa mill-ewwel snin biex tieqaf il-prostituzzjoni fit-toroq u jitneħħew il-briedel. Is-saħħa marret ukoll lura minħabba li l-irġiel jirrifjutaw li jużaw il-condom.

Dwar il-vjolenza, Marie Therese Gatt qalet li l-vjolenza żdiedet minħabba li l-pimps jagħmlu li jridu. Hemm każi fejn tfal ta’ 10 snin jiddaħħlu f’din l-industrija billi ma jitħallewx fit-toroq u jitnaqqsulhom il-prezzijiet. Huma biss 2% tal-prostituti li jridu jaħdmu fil-prostituzzjoni, qalet Marie Therese Gatt, li spjegat kif dan il-mudell iżid it-traffikar. Fi New Zealand issa qed jipproponi li jiddaħħlu nisa minn barra l-pajjiż. Ir-riżultat ta’ dikriminalizzazzjoni totali hu li l-irġiel jaħsbu li n-nisa huma oġġett.

Marie Therese Gatt qalet li r-riċerka turi li dan il-mudell falla u li l-uniku mudell li jaħdem hu l-mudell Nordiku għaliex dan il-mudell tieħu ħsieb it-2% tal-prostituti li jridu jibqgħu fil-prostituzzjoni u tipproteġi lill-oħrajn. Fil-pajjiżi Nordiċi hemm l-ugwaljanza għaliex inbidlet il-mentalità tan-nies u hemm rispett reċiproku bejn in-nisa u l-irġiel.

Hi appellat biex il-policy isisr għall-popolazzjoni kollha għaliex il-prostituzzjoni hi kwistjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li jrid ikun ikkunsidrat li dawk in-nisa li jkunu kuntenti fil-prostituzzjoni jistgħu jkunu huma stess organizzaturi tal-briedel. Għadna fil-ħin li mmorru għal sistema fejn il-prostituti jingħataw id-drittijiet tagħhom iżda l-irġiel iridu jimxu mal-liġi waqt li l-nisa ma jkunux trattati ta’ oġġetti, sostniet Maria Deguara.

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo tkellem dwar l-importanza tal-bidla fil-mentalità biex ma jkunx hemm abbużi.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li din hi preżentazzjoni bbażata fuq l-evidenza u appella biex il-kumitat jimxi lejn liġi bbażata fuq l-evidenza u mhux fuq ix-xewqa. Hu kompla li l-Oppożizzjoni hi impenjata li tressaq ‘il quddiem il-ġid komuni u sostna li għandhom ikunu ċċarati ċertu dikjarazzjonijiet skorretti li ntqalu fuq il-mudell ta’ New Zealand.

Romina Gatt Lopez, li tagħmel riċerka fuq il-prostituzzjoni u l-mudell Nordiku fil-kuntest tad-dikriminalizzazzjoni u kienet taħdem Dar Hosea, qalet li bħala femmisti huma jemmnu li jridu jkunu l-vuċi tal-prostituti vulnerabbli. Hi tkellmet dwar il-ħsara li ssir fuq in-nisa, l-effetti fuq is-soċjetà, il-protezzjoni li għandha tingħata lin-nisa, l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-effetti fuq in-nisa foqra, il-vjolenza fuq in-nisa u l-istigma fuq in-nisa prostituti. Romina Gatt Lopez tkellmet ukoll dwar l-elementi ta’ korruzzjoni li jkun hemm f’sistemi ta’ pajjiżi barranin.

Dr.Josianne Cutajar, għalliema fl-università, qalet li jekk Malta tiddikriminalizza l-prostituzzjoni, il-pajjiż jerġà jsir wieħed li jaqdi lill-barranin kif kien fil-passat fi żmien is-suldati.

Hi staqsiet x’inhi din l-idea li l-irġiel għandhom bżonn is-sess u trattat l-effetti fuq ġisem il-prostituta. Il-prostituti m’humiex il-kriminali iżda dawk li qed jużawhom, qalet Dr.Josianne Cutajar, li kompliet f’Albert Town qed ikun hemm gangs ta’ nisa aktarx barranin għaddejjin b’xogħlhom. Jeħtieġ assistenza legali u f’setturi oħra lill-prostituti għaliex l-ebda mudell m’hu se jelimina l-prostituzzjoni.

Hi spjegat kif issa f’Malta hawn organizzazzjonijiet internazzjonali involuti fil-prostituzzjoni. Fil-prostituzzjoni hemm ukoll rabta mas-surrogacy, sostniet Dr.Josianne Cutajar, li qalet li fl-aħħar każ li nqabdu f’massage parlours, in-nisa li kien hemm tkeċċew mill-ewwel mill-pajjiż biex ma tingħatax xhieda.

Angele Galea, għalliema u attriċi, tkellmet dwar l-importanza tal-edukazzjoni biex tinbidel l-attitudni u qalet li jeżistu każi ta’ tfal ta’ ħames snin li jittieħdu fil-ħwienet mill-istess ġenituri tagħhom biex ftit snin wara dawn jispiċċaw jitħaddmu.

Hi qalet li kienet tixtieq li s-Segretarju Parlamentari Cutajar kienet preżenti għal dawn il-preżentazzjonijiet għaliex hi għadha żgħira u forsi ma kinitx taf din ir-realtà.

Angele Galea kompliet li jeżistu tfajliet li kapaċi jħaddmu lilhom innfushom u qalet li dawn il-persuni jkunu rrabjati iżda jeħtieġ li dawn tingħatalhom l-imħabba.

Hi qalet li hemm tfajliet tal-età ta’ Rosianne Cutajar li huma xjuħ, li jkunu diġà welldu iżda jridu jkunu jridu jirritornaw fil-prostituzzjoni.

F’dan il-mument daħlet fil-kumitat is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

Angele Galea kompliet li s-sistema edukattiva u soċjali tkun falliet quddiem dawn it-tfajliet li jispiċċaw fil-prostituzzjoni; liema tfajliet ma jifilħux jieħdu l-għajnuna. Jeħtieġ edukazzjoni tajba u b’saħħitha u mhux edukazzjoni li tiġri biss wara s-syllabus; l-injoranza tinsab kullimkien anki fost il-professjonisti.