“L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, u minħabba d-daqs żgħir tagħhom, jistgħu jkunu f’pożizzjoni li ma jkunux kapaċi jilqgħu għax-xokkijiet ekonomiċi li ma tkunx taf meta se jispiċċaw, bħal dak li wisq probabbli se nesperjenzaw minħabba l-coronavirus. Għandu jkun hemm miżuri ta’ kontinġenza li jassistu kumpaniji f’każ li l-SMEs jiffaċċjaw dawn l-isfidi. Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ mal-mument li jkun hemm bżonnhom.”
Dan qalu l-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa, li rrefera għall-mudel Ġermaniż, fejn, f’każijiet ta’ xokkijiet ekonomiċi li ma jkunux previsti, kumpaniji jkollhom il-possibilità li jżommu l-impjegati billi jaħdmu siegħat imnaqqsa, filwaqt li l-istat jikkumpensa għad-differenza fil-paga.
“Dawn l-iskemi ta’ sussidju jistgħu jkunu strumentali biex ma jitkeċċewx nies mix-xogħol, filwaqt li nassiguraw li l-SMEs ikollhom l-appoġġ li għandhom bżonn biex jgħaddu minn kriżi. Il-miżuri m’għandhomx ikunu limitati għal dawn it-tip ta’ skemi. Setturi partikolari, bħal dawk tat-turiżmu, jinsabu f’riskju akbar li jintlaqtu minn din il-kriżi, u jista’ jkollhom bżonn aktar għajnuna. Ma nistgħux ngħalqu għajnejna u ma narawx x’miżmuri jistgħu jittieħdu u nassiguraw li kollox ikun lest għal li jista’ jinqala,” qal l-MEP David Casa.
Casa hu n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar l-ESF+. Dan il-fond hu l-għodda prinċipali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tax-xogħol, it-taħriġ u l-inklużjoni soċjali, b’baġit ta’ madwar €100 biljun għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027.
“Is-saħħa tan-nies għandha tkun l-ewwel prijorità. Għalhekk hu d-dmir tagħna li nibdew nippreparaw biex nindirizzaw l-impatti finanzjarji u soċjali tal-coronavirus. Qed naraw x’bidliet jistgħu jsiru biex jidħlu fis-seħħ il-fondi strutturali tal-UE u kif fondi li ma jkunux intużaw, jistgħu jidħlu fis-seħħ. Irridu nassiguraw li jittieħdu l-passi neċessarji fuq livell nazzjonali biex nillimitaw il-konsegwenzi tal-coronavirus,” qal Casa.
//= $special ?>