“Ma nistgħux inħallu l-biża’ u l-paniku jtappnu il-ġudizzju tagħna, imma fl-istess ħin irridu nkunu responsabbli. Din il-marda ma tarax fruntieri u hemm bżonn li nassiguraw li r-regoli Ewropej jkunu kapaċi jirrispondu kemm għat-tħassib immedjat dwar is-saħħa pubblika, kif ukoll dwar l-impatt fuq l-ekonomiji u l-għajxien tal-popli tagħna,” qalet il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola.
L-ewro parlamentari Metsola appellat għal approċċ ħolistiku bil-ħarsien tal-saħħa pubblika tkun l-ogħla prijorità. Metsola qalet li “ir-risposta tal-UE għall-coronavirus hija ġustament fuq quddiem nett fl-aġenda tagħha, u għandna bżonn ta’ azzjoni kkoordinata biex niżguraw li s-sistemi tas-saħħa Ewropej ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jkunu jistgħu jifilħu għall-pressjoni ikbar. Il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-fondi Ewropej għandhom ikunu disponibbli minnufih għar-reġjuni l-aktar milquta. Irridu naħdmu flimkien.”
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN qalet li “rridu nkunu flessibbli biżżejjed biex niżguraw li dawk li jħaddmu, l-impjegati, in-nies li jaħdmu fl-ekonomija tal-gigs u dawk li jaħdmu għal rashom għandu jkollhom il-possibilità li jkomplu jaħdmu. Fl-istess ħin għandhom jiġu minimizzati r-riskji fuq saħħithom. Għandhom jiġu megħjuna dawk li ma jkunux jistgħu jaħdmu u dawk li jintlaqtu b’mod sproporzjonat. Il-possibilitajiet kollha tat-telexogħol għandhom jiġu appoġġjati.”
Roberta Metsola qalet; “Aħna nafu li ħafna negozji kbar, żgħar jew mikro – f’Malta, Għawdex u madwar l-Ewropa – se jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba t-tifqigħa u allura rridu niżguraw li jkollhom aċċess għall-fondi ta’ emerġenza biex jirkupraw malajr kemm jista’ jkun. L-impatt fuq l-ekonomija jinħass l-iktar fi stati żgħar li jiddependu mit-turiżmu bħal Malta u Għawdex. Għandna bżonn ta’ pakkett ta’ stimolu Ewropew; meħtieġa wkoll faċilitajiet ta’ self mill-BEI biex nappoġġjaw l-ekonomiji tagħna u għandu jkun hemm ftehim politiku li l-Istati Membri ikunu jistgħu jkollhom il-flessibilità meħtieġa biex jadattaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat (state aid), għal perjodu limitat ta’ żmien, biex nappoġġjaw il-pilastri tal-ekonomija tagħna u ngħinu lil dawk in-negozji li għandhom bżonn l-iktar għajnuna.”
L-ewro parlamentari Metsola talbet ukoll li jsir kampanja ta’ informazzjoni madwar l-UE biex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-paniku u biex ngħinu li ċ-ċittadini jsegwu l-linji gwida u l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa ħalli jitnaqqas it-tixrid tal-virus. “Huwa partikularment importanti li l-informazzjoni tilħaq persuni b’diżabilità – permezz tal-użu tal-lingwa tas-sinjali jew sottotitoli fuq it-televiżjoni pereżempju – mill-awtoritajiet rilevanti. Nistgħu negħlbu din l-isfida jekk naħdmu flimkien u kulħadd jieħu r-responsabbiltajiet tiegħu bis-serjetà. ”
//= $special ?>