Is-sitwazzjoni tal-Coronavirus qed timpatta negattivament l-industrija tal-lukandi u r-restornati, u allura jeħtieġ miżuri urġenti. Dan sostnietu l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) f’komunikat lill-media fejn spjegat kif fl-aħħar jiem kienu għaddejin taħdidiet ta’ emerġenza mal-BOV u l-HSBC.
L-MHRA qed tipproponi perijodu ta’ moratorju li fih ma jsirux il-ħlasijiet tal-loans lill-banek, u b’hekk l-industrija tibqa’ b’ammont ta’ flus li bih tista’ tilqa’ għad-daqqa tal-Coronavirus.
Proposti simili saru fl-aħħar jiem anke mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo.
Jidher li l-BOV u l-HSBC qablu fil-prinċipju li jestendu għajnuniet għall-industrija f’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali – għalkemm l-MHRA ma kkonfermatx li kien hemm qbil fuq il-moratorju.
Persuni li tkellmu ma’ NET NEWS qalulna li xi lukandi diġa’ kienu kostretti jpoġġu lill-ħaddiema tagħhom fuq 4-day week jew fuq leave fit-tul. Impatt konsiderevoli inħass anke fl-istabbilimenti tal-ikel, għaliex apparti t-turiżmu, is-sitwazzjoni li żviluppat qed tolqot ukoll il-mod ta’ għixien anke tal-Maltin.
//= $special ?>