Coronavirus Internazzjonali Lokali Saħħa

CORONAVIRUS: Mhux eskluż li l-Papa jħassar iż-żjara f’Malta

Dan fid-dawl li ħassar iż-żjara f'Timor Leste, stat Ażjatiku fit-Tramuntana tal-Awstralja, minħabba l-biża' tat-tixrid tal-Coronavirus fost il-folol

Fid-dawl li l-Papa Franġisku ħassar iż-żjara tiegħu f’Timor Leste, l-istat tal-lvant tal-gżira ta’ Timor fit-Tramuntana tal-Awstralja, minħabba l-imxija tal-Coronavirus, mhuwiex eskluż li ż-żjara tiegħu f’Malta titħassar.

Dan hekk kif in-Nunzju Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Timor Leste, Marco Sprizzi, f’kummenti lill-media fil-kapitali, Dili, qal li ż-żjara ġiet ikkanċellata minħabba l-biża’ tal-imxija tal-Coronavirus fost il-folol li jinġabru għaż-żjara tiegħu.

Peress li ż-żjara f’Malta kienet l-unika waħda kkonferma mill-Papa, huwa probabbli li l-Papa jikkanċella ż-żjara f’Malta ukoll. Dan anki fid-dawl li l-Papa waqqaf l-udjenzi ġenerali fil-pubbliku u qiegħed jitrażmessi l-quddies li jqaddes u l-barkiet li jagħti online.

Minkejja li ma kienx hemm konferma taż-żjara fil-gżejjer tax-Xlokk tal-Ażja, in-Nunzju ta’ Timor Leste kien ħabbar li l-Papa kien ħerqan sabiex iżur lill-Insara f’dan l-istat Ażjatiku.

L-istat tal-Vatikan addotta l-istess miżuri ta’ lockdown tal-Italja, bil-gvern Malti jwaqqaf it-titjiriet kollha minn u lejn l-Italja. Il-Vatikan għalaq ukoll lill-Bażilika San Pietru għat-turisti, iżda qed tibqa’ miftuħa għat-talb tal-pellegrini.

Intant, f’sezzjonijiet tal-media Maltija ġie rrappurtat li kelliem għall-Kurja Maltija qal li l-Knisja Maltija għadha ma ġietx infurmata jekk iż-żjara tħassritx jew posponuta.