Sport

Dejan Grech jirbaħ l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar

Il-plejer tal-Pool Dejan Grech ġie ddikjarat rebbieħ tal-unur Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar wara l-wirja pożittiva li kellu fil-Kampjonat Ewropew tal-Eight Ball Pool li sar f’pajjiżna x-xahar li għadda.

Dejan Grech rebaħ il-finali ta’ taħt it-23 sena biex sar ir-rebbieħ Ewropew u saħansitra wasal sas-semifinali fil-kategorija Open. Fil-finali hu għeleb lill-Irlandiż Thomas Morgan 7-3. Grech kien anki jifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt it-23 sena li tilef il-finali kontra l-Irlanda 5-2. Għal dan il-Kampjonat Ewropew ipparteċipaw 540 plejer minn 10 pajjiżi differenti. Dawn huma Malta, l-Ingilterra, l-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Iskozja, Wales, il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Portugall flimkien mal-mistednin il-Marokk.

Dan hu t-tieni unur ta’ din ix-xorta li qed jingħata b’inizjattiva ta’ Atlas Insurance bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li kull xahar permezz ta’ grupp ta’ ġurnalisti tal-isport, jevalwaw il-kisbiet tal-atleti żgħażagħ. Il-preżentazzjoni saret mill-Manager tal-Iżvilupp fin-Negozju ta’ Atlas Insurance David Cassar, fil-preżenza tal-uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport u rappreżentanti oħra tal-kumpanija.