Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal Niġerjan fuq kilo kokaina

Austin Uche, Niġerjan li kien residenti fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa kien ikkundannat ħames snin ħabs mill-Imħallef Giovanni Griscti wara li ammetta flok għadda ġuri fuq assoċjazzjoni bil-ħsieb li jittraffika kważi kilo kokaina.

Dan il-każ imur lura għal Awwissu, 2009 meta tliet Niġerjani kienu ppjanaw li jiltaqgħu ma’ xi ħadd li kien aċċetta li jixtri l-kokaina għas-somma ta’ €20,000. Madankollu dawn in-Niġerjani kienu nqabdu mill-iskwadra ta’ kontra d-droga, fejn tnejn minnhom kienu f’karozza.

Kien Niġerjan ieħor Tony Johnson, li llum għandu 38 sena l-awtur ta’ dan il-ftehim fuq traffikar ta’ droga. Fl-2013, Johnson kien ukoll ammetta flok għadda ġuri u ġie kundannat disa’ snin ħabs u mmultat €30,000.

Johnson kien ftiehem ma’ persuna oħra Niġerjana, li isimha ma jistax jissemma għax qed tistenna li tgħaddi ġuri. Huma kienu ltaqgħu San Pawl il-Baħar, bin-Niġerjan li l-każ tiegħu għadu pendenti, jagħtih 59 kapsula li kien bil-kokaina.

Wara Johnson kien mar iċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa u ltaqa’ ma’ Austin Uche u flimkien ippjanaw li jiltaqgħu ma xi ħadd ieħor li ried jixtri kilo kokaina. L-uffiċjali tal-Pulizija kien nfurmati li kien se jsir xi tip ta’ ftehim fuq traffikar ta’ droga.

Huma fil-fatt kienu qegħdin josservaw l-inħawi ta’ Għajn Dwieli u Raħal Ġdid, u hemm huma lemħu lil Uche u lil Johnson u arrestawhom. Meta nqabdu mill-Pulizija, l-borża bid-droga kienet maġenb Johnson, li ttieħdet mill-ewwel għal analiżi, b’Johnson jammetti li kienet tiegħu.

Fil-borża kienet kien fiha 949 gramma ta’ kokaina b’purità ta’ 33.7 fil-mija, ak iż-żmien il-valur tagħha fit-triq kien ta’ €72,134. Il-Qorti Kriminali fis-sentenza tagħha ordnat ukoll li assi kollha ta’ Uche jkunu ffriżati.