Coronavirus Lokali Qorti Saħħa

Il-Kamra tal-Avukati tappella biex jiġu differiti l-kawżi kriminali

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi riċenti f’pajjiżna b’rabta mal-virus Covid-19 bil-għan illi jiġi mminimizzat l-influss ta’ nies fil-bini tal-Qorti, l-avukati huma imħeġġa sabiex jinfurmaw lill-klijenti tagħhom illi m’għandhomx jattendu għas-seduti. Din id-direttiva fil-mument qed issir għal dak illi jirrigwarda l-kawżi ċivili, u in oltre qed issir bi qbil mal-Ġudikanti.

Għal dak illi jirrigwarda l-kawżi kriminali sommarji, li jattiraw numru sostanzjali ta’ nies lejn il-Qorti qed isiru taħdiet kontinwi, inkluż mar-rappreżentanti tal-Ġudikanti u mal-awtoritajiet kompetenti biex dawn is-seduti kemm jista’ jkun jiġu differiti, iżda sal-lum għad ma hemmx deċiżjoni definittiva fuq dan iżda l-Kamra tal-Avukati tkun qed toħroġ aġġornamenti b’kull żvilupp illi jkun hemm.

Fl-aħħar net il-Kamra tħeġġeġ lill-avukati kollha sabiex isegwu skrupolożament id-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa minn żmien għal żmien. Dawk l-avukati illi jirritornaw minn safar minn dawk il-pajjiżi identifikati mill-istess Dipartiment li jeħtieġu xi tip ta’ kwarantina għandhom joqogħdu d-dar in kwarantina.

L-avukati li ma jkunux f’pożizzjoni li jattendu l-Qorti minħabba l-kwarantina sfurzata għandhom jitolbu differiment permezz ta’ rikors, u jinfurmaw lill-avukat tal-kontro-parti bl-istess talba.