Sport Waterpolo

Il-kunsiderazzjoni ewlenija tibqa’ s-saħħa tan-nies – Joe Caruana Curran, President tal-ASA

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran saħaq li l-kunsiderazzjoni ewlenija hi s-saħħa tan-nies waqt konferenza stampa fejn telgħu l-poloz tal-Kampjonat tax-Xitwa. “Jekk hemm bżonn nieħdu miżuri drastiċi biex nissalvagwardjaw is-saħħa tan-nies.”

Caruana Curran ikkonferma li kawża tat-tixrid tal-coronavirus, irċieva notifika mil-LEN li ċ-Champions League tal-irġiel u l-Euro League tan-nisa tħassru. L-erba’ gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena li kellhom isiru fit-Turkija, l-Iżrael, Manchester u Malta f’April ġew ikkanċellati u mistennija jsiru f’Mejju.

Dwar is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna, il-President tal-ASA qal wara d-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru lbieraħ, il-kompetizzjonijiet tal-ASA mhux se jiġu affettwati minħabba li l-attivitajiet fil-miftuħ ma jistgħux jaqbżu l-2,000 persuna u l-attivitajiet fil-magħluq ma jaqbżux is-750 persuna, ċifri li għal dawn il-logħob huma permessibbli. Dan kollu jgħodd għal dawn il-mumenti għaliex kif sostna l-istess President, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel minn ġurnata għal oħra.

Fuq nota pożittiva sa issa, fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm grupp ta’ 66 għawwiem u għawwiema li se jmorru l-Lussemburgu. Minħabba li sa issa l-każijiet ta’ coronavirus f’dan il-pajjiż hu simili għal Malta, il-kompetizzjoni għadha se ssir. F’pajjiżna bejn is-16 u t-18 ta’ April, għandha ssir il-Laqgħa tal-Għid tal-għawm fil-Pixxina Nazzjonali. Dan ukoll għandu jsir kif ippjanat, sakemm ma jkollux jitħassar minħabba li diversi għawwiema internazzjonali jistgħu jiddeċiedu li ma jiġux.

Intant telgħu l-poloz tal-Kampjonat tax-Xitwa. Għal din l-edizzjoni se jerġgħu jieħdu sehem il-11-il tim, sitt timijiet fil-Kampjonat Premier u ħamsa fl-Ewwel Diviżjoni. Iż-żewġ kampjonati jibdew it-Tlieta 7 ta’ April u jispiċċaw is-Sibt 9 ta’ Mejju. Anthony Scicluna f’isem il-Bank of Valletta, qal li hu ta’ pjaċir għalihom li jagħtu s-sapport lil dan il-kampjonat li jservi ta’ antiċipazzjoni għall-Kampjonat tas-Sajf.

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier

It-Tlieta 7 ta’ April: San Ġiljan v Exiles 7.30pm

L-Erbgħa 8 ta’ April: Marsaxlokk v Sliema 7.15pm, Sirens v Neptunes 8.30pm

L-ewwel ġurnata tal-Ewwel Diviżjoni

It-Tlieta 7 ta’ April: Otters v Birżebbuġa 6.15pm

L-Erbgħa 8 ta’ April: Valletta v Ta’ Xbiex 6.00pm