Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Il-Ministru tas-Saħħa tar-Renju Unit ittestjat pożittiv għall-Coronavirus

Fl-Italja mill-inqas 631 persuna mietu s’issa bil-coronavirus fl-Italja - żieda ta’ 168 f'ġurnata waħda.

Il-Ministru tas-Saħħa tar-Renju Unit, Nadine Dorries irriżultat pożittiv għall-coronavirus u issa tinsab f’iżolament.

Hija l-ewwel membru parlamentari fir-Renju Unit bil-COVID-19, hekk kif il-virus kompla jinfirex aktar fl-aħħar sigħat.

Sadanittant, l-uffiċjali tas-saħħa qed jippruvaw isibu biex jittestjaw lil kull min kellu kuntat mal-Ministru fl-aħħar jiem wara li Dorries ħassitha mhux f’sikta matul il-ġurnata li fiha attendiet għal riċeviment mal-Prim Ministru Boris Johnson.

Għadu mhux eskluż li jsiru testijiet fuq il-Prim Ministru nnifsu.

Fir-Renju Unit, mietu sitt persuni u n-numru totali ta’ każijiet ikkonfermati tela’ għal 382 – dan ifisser li l-każijiet telgħu b’54 fl-aħħar 24 siegħa.

Intant, mill-inqas 631 persuna mietu s’issa bil-coronavirus fl-Italja – żieda ta’ 168 f’ġurnata waħda.

Din iż-żieda ta’ 36% hija l-ikbar minn meta feġġ dan il-virus fil-pajjiż ġarr tagħna lura fil-21 ta’ Frar.

Kważi elf każ ieħor ta’ COVID-19 ġew irreġistrati f’24 siegħa – u l-każi fl-Italja, skont l-aħħar rapporti jidhru li laħqu 10,149.