Coronavirus Lokali

Il-PN jipproponi s-sospensjoni tal-VAT għan-negozji u SMEs li jistgħu jintlaqtu ħażin minħabba l-Coronavirus

Filwaqt li kull deċiżjoni għandha tittieħed dejjem fl-aħjar interess tas-saħħa tal-poplu, l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-Gvern Laburista jissospendi l-miżuri tal-VAT għan-negozji u SMEs temporanjament, sabiex jonqos l-impatt negattiv li qed ikollhom minħabba l-COVID-19.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista saħaq li din il-miżura għandha tiddaħħal biex tgħin negozji żgħar u medji li jiddependu mill-pubbliku u jistgħu kemm huma kif ukoll l-impjegati tagħhom jintlaqtu negattivament f’dawn iż-żminijiet. Dan sabiex l-ekonomija tibqa’ għaddejja mingħajr lok ta’ allarm u paniku. 

Fid-dawl tal-miżuri li jistgħu jittieħdu, l-PN jibqa’ jtenni kull disponibbiltà u impenn biex jipparteċipa f’kull ħidma li tkun meħtieġa ssir kif mitlub mill-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex pajjiżna joħroġ minn dan il-perjodu fl-inqas żmien possibbli għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.