Coronavirus Lokali Saħħa

Kwarantina obbligatorja… iżda mhux minn kullimkien

Wara li l-unions ilhom għal ġimgħat sħaħ jisħqu fuq il-ħtieġa li l-kwarantina ssir waħda obbligatorja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-kwarantina obbligatorja għal ħames pajjiżi; l-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Din il-kwarantina daħlet fis-seħħ għal kull min ġie minn dawn il-pajjiżi minn nofsillejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Marzu ‘il quddiem u għal kull min ġie mill-Italja mis-26 ta’ Frar ‘l hawn.

Huwa ħabbar ukoll li b’effett immedjat mil-lejla f’nofsillejl, se jitwaqqfu t-titjiriet kollha minn u lejn Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera.

Intant saqsejna għal darba darbtejn lill-Prim Ministru għaliex kien biss issa li l-kwarantina obbligatorja daħlet fis-seħħ, iżda hu naqas milli jwieġeb. Ovvjament saqsejna dan fl-ambitu wara li l-MAM (L-Assoċjazzjoni tat-Tobba) kienet tat il-pariri mill-bidu nett qabel feġġew l-ewwel każijiet ta’ Covid-19 f’pajjiżna.  

“Ħa nħalli f’idejn id-Deputat Prim Ministru biex iwieġeb….”

Saqsejnih ukoll għaliex il-Gvern ma ħassx il-bżonn li jkun pro-attiv mill-bidu nett.

“Iva konna pro-attivi mill-bidu nett”

Il-kwarantina obbligatorja mhux se tkun imposta għal kulħadd. Dawk ġejjin mir-Renju Unit mhux se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina bilfors. Lanqas dawk li huma ġejjin mill-Istati Uniti, fejn in-numru ta’ każijiet żdiedu b’mod konsiderevoli.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li b’effett immedjat mill-Ħamis f’nofsillejl, se jitwaqqfu t-titjiriet kollha minn u lejn Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jagħlaq l-iskejjel, Robert Abela qalilna li mhux se jagħlaqhom għalissa….

“Mill-parir mediku li għandna sal-lum, m’għandniex sitwazzjoni ta’ trasmizzjoni lokali, iżda mhux qed jiġu esklużi l-għeluq tal-iskejjel u l-Università”

Intant Robert Abela u Chris Fearne naqsu milli jiċċaraw numru ta’ affarjiet inkluż f’dak li ghandu x’jaqsam mal-leave għall-kwarantina hekk kif ma qal xejn kif dan se jittieħed, speċjalment għal dawk li jaħdmu mas-settur privat. Xi ħaġa li qed tqajjem tħassib kbir fost il-ħaddiema u fost il-korpi kostitwiti – fejn fil-verità, ħadd ma jaf kif se jitħallas dan il-leave.

L-MEA qed tgħid li żgur mhux se jkunu l-employers li jħallsu għall-kwarantina.

Il-PM min-naħa tiegħu qal li min se jinqabad barra meta jkun suppost fi kwarantina se jeħel multa ta’ €1000 kull darba li jinqabad u l-kwarantina ma tgħoddx biss għall-individwu, iżda għal kull min ikun qiegħed jgħix miegħu. Tħabbar ukoll li se jsir infurzar meħtieġ mill-pulizija filwaqt li jiskatta wkoll mekkaniżmu fejn se tingħata għajnuna lil dawk taħt kwarantina obbligatorja.

Twaqqaf ukoll helpline biex persuna fi kwarantina tordna x-xirja tagħha u din titqassam quddiem il-bieb tad-dar tagħha. L-istess isir bit-tqassim tal-mediċini.

Sadanittant, kull anzjan hu rakkomandat sabiex jevita ħruġ bla bżonn.

Ikkummenta