Lokali Parlament

L-MTA ħallset €4.5 miljun lill-Vista Jet għal ‘żvilupp tar-rotot’..tħallsu €1.5 miljun minn qabel

Ritratt: Times of Malta

Il-Vista Jet kienet il-kumpanija li ntużat biex saru diversi titjiriet lejn l-Ażerbajġan

Minn xhieda tal-Kontrollur Finanzjarju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) jirriżulta li l-kumpanija tal-ajru deskritta bħala ‘falluta’ Vista Jet tħallset €4.5 miljun mill-istess MTA biex suppost tilħaq 4,000 turist u tiżviluppa r-rotot lejn Malta.

Dan irriżulta minn xhieda li ngħatat mill-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA Brian Azzopardi quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jiskrutinja l-kontijiet finanzjarji tal-MTA għall-2018/19.

Brian Azzopardi, il-Kontollur Finanzjarju tal-MTA, ippreżenta numru ta’ dokumenti kif kien mitlub u qal li l-kuntratt mal-Visa Jet kien kuntratt ta’ marketing fejn Malta kienet identifikata fir-rotot tal-ajru tal-Visa Jet.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina x’ħadet Malta minn dan il-kuntratt, Azzopardi qal li m’għandux id-dettalji dwar dan għaliex kull ma kellu kien il-kuntratt u l-invoice li kienet approvata minn Gavin Gulia, iċ-Chairman tal-MTA.

Mistoqsi dwar il-media plan, Brian Azzopardi qal li hu ma kienx involut fid-diskussjonijiet dwar il-kuntratt li kien mifrux fuq tliet snin bi ħlas ta’ €1.5 kull sena. Visa Jet tħallset €4.5 miljuni, ikkonferma Brian Azzopardi, li xehed li kien hemm kopja ta’ kull invoice. Il-Malta Marketing Ltd twaqqfet fl-2014 bl-iskop li r-riklamar tal-MTA barra minn Malta.

Meta wieġeb mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Brian Azzopardi qal li ma jafx min innegozja mal-Vista Jet u kompla li l-Vista Jet kienet qed tippromwovi lil Malta fil-media.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li dan ifisser li sar ftehim mal-Vista Jet dwar pjan kif se tippromovi lil Malta iżda l-MTA, qabel kellha l-pjan, ħallset €1.5 miljun lill-Vista Jet meta din kienet għadha lanqas għamlet il-proposta tagħha. Brian Azzopardi ikkonferma li l-kuntratt jitkellem fuq ħlas minn qabel u kellha tagħmel marketing plan.

Skont il-kuntratt, il-Vista Jet tħallset €1.5 miljun bil-quddiem meta din ma kienet għamlet xejn. Brian Azzopardi qal li ma jafx kemm il-marketing plan kien analizzat iżda ħallas it-tieni €1.5 miljun mingħajr ma staqsa għax ma kienx fil-kompitu tiegħu. Hu qal li ma jafx jekk qattx telgħet Bord tal-MTA u sostna: ‘Min jien biex inwaqqaf pagament?’

Brian Azzopardi xehed li ma jafx li Vista Jet kellha problemi finanzjarji kbar f’dan il-perjodu u ma jafx kif lill-MTA irriżultalha li l-Vista Jet tagħmel 8,000 titjira u kellha 35 ajruplan. Beppe Fenech Adami qal li dan mhux minnu u staqsa lill-Kontrollur Finanzjarju jekk jafx dwar dan.

Beppe Fenech Adami sostna li jirriżulta li l-pajjiż nefaq €4.5 miljun biex il-Vista Jet tilħaq 4,000 passiġġier; nefqa ta’ iktar minn €1,000 għal kull persuna. Vista Jet topera ajruplani żgħar li jkunu chartered minn persuni u mill-Pilatus Bank għal diversi titjiriet. Vista Jet hi l-kumpanija tal-ajru li tagħmel diversi vjaġġi għall-Ażerbajġan.

Il-Kontrollur Finanzjarju xehed li ma jafx liema huma r-rotot li minnhom ibbenefikat Malta.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li dawn huma stejjer li ħarġet bihom Daphne Crauana Galizia u ħadd mill-Pulizija ma nvestiga.

It-titjira suspettuża tal-Vista Jet bejn Malta u l-Ażerbajġan

Brian Azzopardi xehed li m’għandux informazzjoni li saru features fuq stazzjonijiet televiżivi barranin fosthom CNBC u Bloomberg, feature ta’ 30 sekonda u intervista mal-Ministru tat-Turiżmu. Dawn suppost kienu aprti mill-kuntratt. Hu qal li mhux kompitu tiegħu li jagħmel dawn il-verifiċi għalkemm Vista Jet ħallset għat-tieni sena u ma jafx li kien hemm media plan.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Kristy Debono, Brian Azzopardi qal li ma tsaqsiex għall-verifiċi meta ġie biex iħallas fit-tieni sena għalkemm jaf li kienet intlabet xi informazzjoni mill-ex CEO Paul Bugeja fl-2016.