Coronavirus Lokali Saħħa

Pazjenti fil-wards qabel ma jkun lest l-iscreening għall-COVID-19

L-MUMN għadha kemm ġiet infurmata minn nurses ta’ Mater Dei li numru ta’ pazjenti qed jintbgħatu fil-wards qabel ma joħroġ ir-riżultat tal-iscreening, madanakollu n-nurses ma kienux infurmati b’dan.

Minħabba dan il-fatt dawn il-pazjenti bir-riżultat pendenti kienu qed jitħallew fejn pazjenti oħra filwaqt li n-nurses li ma kienux jafu ma kienux qed jilbsu lbies protettiv.

Meta n-nurses infurmaw lid-dipartiment li jieħu ħsieb dan l-iscreening, qalulhom biss biex ilibsu maskla lill-pazjenti u jkompli bil-proċeduri tas-soltu.

L-MUMN qalu li dan imur kontra proċeduri ta’ Health and Safety.

Wara dan il-każ, l-MUMN tkellmet mat-tmexxija tal-isptar Mater Dei u ħareġ fid-dawl li dawn ma kienux każijiet ta’ riskju għoli iżda l-MUMN insistiet li xorta jkun hemm riskju li jkunu pożittivi għall-Coronavirus.

L-unika risposta mit-tmexxija tal-Isptar kienet li n-nurses se jkunu ttestjati.

Intant, l-MUMN qalet li dan l-atteġġjament mhux aċċettabli u talbet lill-Ministeru tas-Saħħa biex dan jieqaf immedjatament.

Min hawnekk l-MUMN ħarġet avviż lin-nurses kollha biex jiċċekkjaw kollox qabel iħallu pazjenti jidħlu fil-wards rispettivi tagħhom. Dan billi jkollhom ċertifikat mit-tabib li l-pazjent mhux jistenna riżultat ta’ screening. Jekk dan ma jkunx il-każ in-nurses mhux se jaċċettaw pazjenti fil-wards.