Rugby Sport

Posposta l-logħba Malta v Iżrael tar-Rugby minħabba l-coronavirus

Azzjoni waqt il-logħba kontra Iżrael fl-2017 (Ritratt: Martin Agius)

Il-logħba tat-tim nazzjonali Malti tar-Rugby kontra l-Iżrael li kellha tintlagħab is-Sibt 21 ta’ Marzu fil-Hibernians Stadium ġiet posposta uffiċjalment. Din hi waħda mill-ewwel attivitajiet sportivi li tħassru f’pajjiżna minħabba l-coronavirus.

Għalkemm il-Gvern iddeċieda li l-attivitajiet fil-miftuħ ma jaqbżux l-2,000 persuna, il-logħba tħassret minħabba li l-Gvern tal-Iżrael qed jieħu miżuri dwar il-coronavirus. Dan minħabba li qed tkun applikata kwarantina bilfors ta’ ġimagħtejn meta jirritornaw f’pajjiżhom, apparti d-diffikultà biex iħallu pajjiżhom.

Il-Malta Rugby Football Union kienet tinsab f’diskussjoni ma’ Rugby Europe dwar il-possibbiltà li l-logħba titħassar u jidher li rċeviet in-notifika li minħabba li l-plejers semi-professjonali tal-Iżrael ikollhom jagħmlu dan il-perjodu bogħod mix-xogħol tagħhom, il-logħba jkollha titħassar.