Sport Sport Ieħor

Valletta Subbuteo Club jirbħu l-Major ta’ Frameries għall-ewwel darba

Valletta Subbuteo Club rebħu għall-ewwel darba l-Major ta’ Frameries li saret fil-Belġju. Il-Beltin rebħu l-grupp b’punti massimi u wara li għaddew mill-fażijiet tal-aħħar 16 u l-aħħar tmienja, fis-semifinali rebħu 2-0 kontra RJC Rochefort, it-tim li għeleb lil Bormla Subbuteo Club 2-1 mal-aħħar 16.

Fil-finali Valletta SC għelbu lil Charleroi tal-Belġju 3-0. It-tim kien magħmul minn Angelo Borg, Joseph Borg Bonaci, Samuel Bartolo, Derek Conti, Mark Gauci u Mario Camilleri. Preżenti wkoll kien hemm il-President tal-klabb Felix Rizzo u s-Segretarja Monalita Balzan.

Fil-kategorija Open, Derek Conti ta’ Valletta SC tilef il-finali kontra Carlos Flores ta’ Napoli Eagles 5-2. Il-Malti Jurgen Balzan li jilgħab mat-tim Belġjan Stembert SC wasal sas-semifinali fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena. Fil-kategorija tal-veterani, Jason Pisani ta’ Master Sanremo tilef il-finali 3-1 kontra Antonio Montano ta’ Tiburones. Alain Jadot ta’ Bormla SC wasal sas-semifinali.