Lokali Qorti

30 xahar ħabs fuq droga għal Taljan residenti Malta bis-sieħba tiegħu tiġi lliberata

Giovanni Lassandro, li nhar il-Ħadd jagħlaq 59 sena ġie kundannat 30 xahar ħabs u mmultat €3,000 mill-Maġistrat Neville Camilleri wara li nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u l-pjanta kannabis f’ċirkostanzi li ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu.

Serafina Schembri ta’ 54 sena, li kienet tressqet il-Qorti ma’ Lassandro, u li bħalu hija mwielda l-Italja u residenti l-Gżira, ġiet illiberata minn kull akkuża, b’Lassandro dejjem jikkontendi li l-mara qatt ma kellha x’taqsam ma’ dan il-każ.

Huma kienu ġew akkużati li wettqu dan ir-reat mitt metru ‘l bogħod minn skola, filwaqt li Serafina Schembri waħedha kienet ġiet akkużata li ppruvat taħbi evidenza tar-reat li wettqet.

Il-każ kien seħħ fis-26 ta’ Jannar 2013. Skont l-uffiċċjal Prosekutur l-Ispettur Jason Francis Sultana dak inhar, hu l-kuntistabbli Roderick Farrugia kienu qegħdin patrol fl-akkwati tal-Gċira fejn innutaw karozza BMW li kienet ghaddejja lejn il-Kappara.

Kien qal li din kienet misjuqa minn Lassandro u li miegħu kien hemm Schembri u peress li m kellhomx seatbelt ġe deċż li jitwaqqfu u li, meta twaqqfu, iż-żewġ imputati dehru aġitati u b’hekk ġie deċiż li ssirilhom tfittxija fil-karozza tagħhom.

Qal li meta l-mara ħarġet mill-karozza, dehret tarmi borża tal-plastik taħt il-karozza. Ix-xhud qal li hu niżel taht il-vettura u meta ġabar din il-borża rriżulta li kien fiha ammont sostanzjali ta’ weraq, x’aktarx kannabis.

Qal li ftit wara marret fuq il-post Surġent tal-Pulizija mara, u li meta tkompliet it-tfittxija fil-bagoll tal-karozza kien hemm ‘picnic cooler’ u nstabu żewġ boroż li kien fihom ammont sostanzjali ta’ grass.

Tenna wkoll li fis-‘central console’ tal-karozza nstabet borza li magħha kien fiha tape iswed b’ammont ta’ trab abjad, x’aktarx kokaina u li minn ġewwa l-istess ‘glove compartment’ gew elevati żewġ boroż oħra. Ġew elevati wkoll mus, ponn tal-ħadid u frosta.

Ix-xhud qal li Schembri ttieħdet fl-Għassa tal-Pulizija ta’ tas-Sliema, u Lassandro ttieħed fir-residenza tagħhom fil-Gżira sabiex issir tfittxija hemm. Minn ġewwa l-kamra tal-pranzu ġew elevati żewġ mwieżen u pakkett tal-kartun li kien jikkontjeni numru ta’ boroż ‘zip-lock’ l-istess bħal ma kienu maqfula parti mid-droga li ġiet elevata minn ġewwa l-karozza.

Fix-xhieda tiegħu Giovanni Lassandro qal li xogħlu kien xufier bit-trakk. Qal li kienet attività personali tiegħu li jsuq it-trakkijiet u li mbagħad kien hemm daqxejn kriżi minħabba li kien għola l-petrol, għolew affartijiet oħra u ma setgħax ikompli b’dak ix-xogħol.

Tenna li fis-snin 2008-2009 kien falla peress li kellu ħafna kontijiet xi jħallas u b’hekk ġie Malta biex ifittex xogħol. Fiż-żmien meta ġie arrestat dwar dan il-każ kien Malta peress li kien ġab trakk tal-Luna Park li kien jarma’ Manoel Island għal kważi erba’ xhur, u baqa’ Malta biex ifittex xoghol.

Lassandro kien qal ukoll li din kienet l-ewwel darba li ġie Malta. U dwar id-droga li nstabet fil-vettura tiegħu qal li kien ra żewġ ġuvintur f’Manoel Island jiġbru l-iskart u kellhom basket. Rahom jaħbu envelope taħt dgħajsa: “wieħed kien qed jaħbiha u l-ieħor kien qed ihares”.

Tenna li kien rahom jitilqu u ma kellhom xejn f’idejhom u mar jara xi ħbew u sab il-borża tal-iskart, fetaħha, u poġġiha fil-karrozza. Qal li kien fiha l-kokaina u ħaxixa. Kien qal ukoll li hu qatt ma kien għamel użu mid-droga u lanqas qatt ma għamel kummerċ mid-droga.

Mistoqsi jgħid x’kienet ir-raguni li żammha meta basar li kienet kokaina u ħaxixa, qal: “Ma żammejthiex għal ħafna żmien. Rajt li stajt naqla’ xi haġa xi ftit flus minnha”.

Wara kien ikkonferma li kien hemm persuna li avviċinah biex jara jistax jixtriha minn għandu. Qal li għamel żewġ appuntamenti miegħu pero’ dan il-persuna ma tfaċċax.

Tenna li dakinhar li kien ġie arrestat kien sejjer jara appartament in-Naxxar u s-sustanza kienet miegħu. Jikkonferma li d-droga baqgħet fil-vettura u li l-appartament li kien sejjer jara ma kellu x’jaqsam xejn ma’ din il-persuna l-oħra li semma. Mistoqsi jghid min hi din il-persuna, wieġeb:

“Ma nafhiex u ma rajthiex iktar dik il-persuna. Kont għadni l-Gżira u ma ghadniex noqghod il-Gzira” Dwar dak inhar li nqabdu, u dwar is-sieħba tiegħu għal mod kif aġixxiet, qal – ‘dak kollu għamlitu biex tgħini għax konna vera ppanikjati, anke hi. Imbagħad wara dan, qal li ġew Pulizija oħrajn, aggredewha u ghidtilhom jien: “Ikkalmaw, Ikkalmaw. Hi m’ghandha taqsam xejn”.

Il-Qorti ordnat id-distruzzjoni tad-droga maqbuda. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jason Francis Sultana, Herman Mula u Jonathan Cassar.