Coronavirus Lokali Parlament

Adrian Delia jinsisti għal dibattitu parlamentari urġenti dwar il-coronavirus…il-gvern jirrifjuta

Is-seduta sospiża sakemm jingħata ruling..it-talba ta’ Adrian Delia mhux aċċettata

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Ispeaker biex jissospendi x-xogħol tal-parlament biex b’mod urġenti llum il-parlament jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti dwar il-coronavirus. Fl-ewwel reazzoni tiegħu d-deputat Prim Ministru Chris Fearne m’aċċettax din it-talba. Is-seduta kienet sospiża sakemm ingħata ruling li fih l-Ispeaker ma laqax it-talba ta’ Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ppropona li minħabba l-importanza pubblika urġenti, skont kif indika f’ittra li kiteb lill-Ispeaker, il-parlament għandu jissospendi l-aġenda tiegħu u jiddiskuti l-coronavirus.

Hu qal li m’hawnx persuna waħda li mhux titkellem fuq il-coronavirus u l-effetti u l-prevenzjoni dwarha. Din hi sitwazzjoni urġenti li qed tinbidel kull siegħa, sostna Adrian Delia, li kompla li din hi urġenza li tista’ tieħu żvolti li l-parlament irid jitkellem dwarhom biex il-pajjiż jaħdem flimkien minħabba r-riżorsi limitati li għandu.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni ilha tinsisti fuq kooperazzjoni dwar din il-materja u sostna li l-whip tal-gvern diġa rrifjuta li ssir ħidma flimkien u ta’ kooperazzjoni.

F’dan il-mument l-Ispeaker qara l-ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li hu japprezza li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaqbel li din hi kwistjoni nazzjonali bla partiġġjaniżmu. Mill-kliem għandu jgħaddi għall-fatti, sostna Chris Fearne, li kompla li l-gvern l-hu mpenjat biex jittieħdu l-azzjonijiet. Hu stieden lil biex illejla fid-7 pm isisr laqgħa miegħu biex il-gvern itih l-informazzjoni kollha u qal li qed jikkomunika kuljum mad-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-gvern irid jibqa’ għaddej u ma jistax jistenna lill-Oppożizzjoni u sostna li t-talba tal-Oppożizzjoni mhix skont ir-regoli għaliex il-kwistjoni tal-coronavirus mhix kwistjoni ta’ mil-lum għal-lum.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li qed jitlob is-sospensjoni tal-parlament għax il-parlamnet kien se jiddiskuti mozzjoni ta’ Chris Said dwar Għawdex.

Fuq point of order id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li dak li għaddej fil-pajjiż hu ferm iktar ta’ importanza u jista’ jkun li l-mozzjoni tiegħu tgħaddi bla diskussjoni iżda billi jittieħed vot.

Adrian Delia qal li li Chris Fearne ma jistax ikun iktar partiġġjan milli kien u laqa’ l-istedina li għamillu biex jiltaqgħu. Din it-talba biex niltaqgħu biex nikkontribwixxu ilni li għamiltha, sostan Adrian Delia, li kompla li hu jrid li fil-pajjiż ikun hawn dibattitu biex tingħata ċ-eertezza li l-pajjiż hu preparat. Ma jistax ikun li l-Prim Ministru jgħid li għada hi ġurnata normali meta s-sitwazzjoni hi waħda li tista’ ddum perjodu; anki sitt xhur. Hu appella lill-gvern biex jispjega għaliex ma jrid li jsir dibattitu parlamentari.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li l-kwistjoni tal-corornavirus tqanqlet fil-parlament diversi dwari u saru anki żewġ stqarrijiet ministerjali u minkejja li taqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni li din hi kwistjoni ta’ natura urġenti, is-Sedja ma tħossx li għandha tilqa’ t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għaliex m’hemmx urġenza li tkun diskussa f’din is-seduta.

Il-coronavirus u s-sitwazzjoni f’San Vinċenz kienet diskussa wkoll waqt il-mistoqsijiet parlamentari fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li San Vinċenz hu raħal li għandu bżonn iktar attenzjoni għal hu iktar vulnerabbli. Din trid tkun iktar akuta minn postijiet oħra. L-Oppożizzjoni se tkun favur u b’appoġġ miżuri li jgħinu li jissalvagwardjaw lill-anzjani. Inħeġġeġ lill-gvern biex dan isir flimkien, sostna Adrian Delia.

Hu staqsa dwar il-ħinijiet għall-viżitaturi, x’inhuma l-kontinġenzi jekk u meta jkun hemm it-tixrid tal-virus f’San Vinċenz, jekk hux se jkun hemm moviment ta’ pazjenti jew hemmx żoni protetti fil-post stess għall-anzjani u x’hemm preparat dwar it-tindif dirett fis-swali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista jekk il-gvern jistax jispjega l-pjan ta’ kontinġenza u kemm se jsir investiment f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Michael Falzon qal li d-dinja ilha ma tgħaddi minn pandemija bħal din 1,000 sena u hi sfida għall-umanità. L-aktar effettwati ħażin huma l-anzjani, dawn b’mard kroniku u persuni vulnerabbli. F’San Vinċenz hemm 1,100 anzjan u 1,800 ħaddiem; total ta’ 3,000 persuna fejn qed jittieħdu l-miżuri.

Ittieħdu inkludew proċeduri mediċi fejn qed isir eżami mhux dettaljati tal-persuni li jidħlu fir-Residenza mill-Ħadd li għadda. Miżura oħra kienet li tnaqqsu l-ħinijiet għall-viżitauri u hemm pjan ta’ kontinġenza fejn jekk ikun hemm bżonn li jittieħdu passi oħra, il-gvern għandu jkollu l-kuraġġ li joħodhom. Dan jgħodd ukoll għad-djar għall-anzjani.

Il-Ministru Falzon aċċerta li hemm pjan ta’ kontinġenza li jista’ jinbidel. Dan mhux pjan perfett iżda hu tajjeb ħafna, sostna l-Ministru Falzon, li kompla li hemm ukoll tisħiħ tat-tindif fuq diversi aspetti. Hu sostna li dawn huma miżuri neċessarji; il-viġilanza qiegħda hemm.

Il-Ministru Falzon qal li l-gvern iddeċieda li jnaqqas il-ħinijiet tad-dħul u fin-numru ta’ persuni.