Lokali

Bartolo ma beżgħax minn Grech, iżda beża’ biss li jinqabad – Il-ġuri dwar qtil f’Birkirkara, tliet snin ilu

Il-vittma Roderick Grech

Etienne Bartolo ta’ 39 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech (ritratt), tliet snin ilu f’Birkirkara ma kien qed jibża’ mill-vittma li sofra minn sitt daqqiet ta’ mus iżda beża’ biss li kien se jinqabad. Dan il-fatt huwa msaħħaħ wara li ħareġ ċar li huwa pprova jaħsel it-traċċi ta’ dmija u li rema’ l-arma li ntużat fid-delitt.

L-Avukat Kevin Valletta, li flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, li qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni qal dan meta kien qed jagħmel l-argumenti finali tiegħu lill-ġurati dwar il-każ.

Bartolo qed jiġi akkużat li qatel lil Roderick Grech ta’ 26 sena, f’Birkirkata u dan talli allegatament il-vittma ma riedtx ibiegħlu d-droga bid-dejn. Bartolo qed jiġi akkużat li ta d-daqqiet ta’ arma li taqta u bil-pont fuq in-naħa ta’ wara tal-għonq tal-vittma, f’sidru, f’saqajh u jdejh. L-akkużat qed jikkontendi li huwa xejjer bil-mus biex jiddeffendi lilu nniffsu.

L-Avukat Valletta talab lill-ġurati biex jaqraw l-istqarrijiet kollha tal-każ biuex jaraw jekk kienx hemm xi biża. Staqsa fuq liema bażi Roderick Grech kellu jattakkah.

Hekk kif il-Prosekuzzjoni bdiet tagħmel l-argumenti tagħha dwar il-każ, il-ġurati deheru attenti u jieħdu n-noti biex meta jidħlu biex jiddeliberaw il-każ jaslu għall-verdett tagħhom. Noti li huma ħadu wkoll meta l-Erbgħa, l-Avukat Edward Gatt, f’isem id-difiża fiehem lill-ġurati għaliex huma għandhom jilliberaw lill-akkużat.

L-Avukat Valletta qal li r-rispons ta’ Bartolo ma kienx wieħed proporzjonali jew inevitabbli. Huwa talab lill-ġurati jqisu l-fatt u jaħsbu dwar meta Roderick qallu li ma riedx jagħtih droga, min kien li beda jinsisti li rieda bilfors.

Valletta akkuża lid-difiża li bbażat il-fatti fuq konġenturi u tfigħ ta’ tajn bit-tama li xi ħaġa teħel. Qal li l-akkużat dak iż-żmien kellu lublieba għad-droga u kien lest jagħmel minn kollox biex jakkwistaha.

Il-Prosekutur talab lill-ġurati jaraw min kien li beża’ għal ħajtu. Staqsa, “Roderick?, li kien armat. Etienne? Min attakka lil min?” huwa staqsa. “Min kellu d-dritt li jiddeffendi lilu nniffsu fil-karozza?”

Wara l-argumenti tal-Prosekuzzjoni fil-ġuri, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, d-difiża jkollha l-aħħar kelma bl-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Mark Vassallo qed jiddefendu lill-akkużat jagħmlu l-argumenti finali tagħhom.