Coronavirus Lokali

Dan huwa mument fejn irridu naħdmu lkoll flimkien bħala pajjiż

L-Oppożizzjoni tressaq proposti konkreti u terġa’ titlob lill-Gvern biex tikkontribwixxi biex inkunu ppreparati aħjar għall-ġid komuni ta’ Malta u Għawdex

F’Konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa u oħrajn li qegħdin jaħdmu b’tant dedikazzjoni, mħabba u professjonalità biex iżommu l-kumplament tal-popolazzjoni ‘l bogħod kemm jista’ jkun mill-marda tal-COVID-19.

Huwa saħaq li għalkemm il-Gvern ma riedx li l-Oppożizzjoni tifforma parti mill-grupp li twaqqaf sabiex jgħin jiggwida lill-pajjiż f’dan il-perjodu diffiċli, aħna xorta qegħdin u se nkomplu, fejn u kif nistgħu, nagħmlu l-parti tagħna fl-interess nazzjonali.

Adrian Delia appella lill-Gvern sabiex jinvolvi lill-Oppożizzjoni, għax l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox. Huwa saġaq, “bħala Partit Nazzjonalista, jiena waqqaft task force intern u organizzajna numru ta’ expert groups li qed isegwu diversi aspetti ta’ dak li issa ġie ddikjarat mid-WHO bħala pandemija u l-impatt li qed ikollha, u se jkollha fuq pajjiżna.”

Il-Kap tal-PN sostna li kull grupp qiegħed joħroġ b’pariri responsabbli li aħna se nkunu qegħdin inwasslu lill-Gvern għall-kunsiderazzjoni tiegħu. Kompla jgħid li ser ikun qed jibda billi jagħti r-reazzjoni għall-miżuri li ħabbar il-Gvern illum.

L-Oppożizzjoni tilqa’ l-fatt li l-Gvern, wara l-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista, unjins tal-għalliema u skejjel privati, għalaq l-iskejjel. Huwa sostna li l-Prim Ministru tlett’ijiem ilu qalilna, pprova jagħti l-impressjoni li dan il-virus mhux serju, “mhux il-pesta” kienu il-kliem li uża. Iżda din il-marda hija infettiva ħafna u bħala pajjiż irridu nnaqqsu kemm jista’ jkun it-trasmizzjoni billi nillimitaw il-kuntatt bejn il-persuni.

Il-Gvern fl-aħħar sema’ minn dawk li jridu l-aqwa interess tat-tfal tagħna. Il-Gvern fl-aħħar sema’ mill-genituri u mill-għalliema. Huwa ħeġġeġ il-Gvern biex ikompli jisma’ u jieħu azzjoni immedjata fuq fronti oħrajn.

“Huwa tajjeb li l-Gvern se jgħin lill-anzjani jirċievu l-mediċini tal-POYC. Imma dan mhux biżżejjed. Jekk wieħed isegwi x’qiegħed jiġri barra minn Malta jara li l-anzjani huma fost l-iktar vulnerabbli jekk jintlaqtu minn din il-marda.”

Għalhekk saru appelli, u l-Partit Nazzjonalista ingħaqad u nwasslu dan l-appell bl-ikbar qawwa, sabiex l-anzjani kemm jista’ jkun ma’ joħorġux mid-dar. “L-anzjani tagħna għandhom żewġ esiġenzi ewlenin: l-ikel u l-mediċini.”

Il-maġġoranza kbira tal-pensjonanti tagħna ma jifilħux bil-pensjoni limitata jaħżnu stock ta’ mediċini u ikel u allura jkollhom joħorġu spiss biex jixtru għall-bzonijiet tagħhom. Il-Gvern għandu b’mod immedjat jindirizza din il-problema billi jorganizza servizz- possibilment bl-armata- li jwassal l-ikel u l-mediċini, mhux biss dawk tal-POYC, lill-anzjani tagħna.

Il-Gvern jista’ jikkunsidra wkoll li jaħdem ma’ għaqdiet bħal Meals on Wheels, bil-prekawzjonijiet kollha li hemm bżonn, u għaqdiet oħra sabiex ngħinu lill-anzjani tagħna jibqgħu siguri fid-djar tagħhom.

Din is-sistema m’għandiex iżżid il-piż finanzjarju fuq l-anzjani u għalhekk, jekk hemm bżonn, il-Gvern għandu jpoġġi finanzjament għal dan il-għan. It-tielet punt huwa dwar il-ħaddiema b’mod ġenerali imma partikolarment il-ħaddiema tal-Gvern.

Fis-snin li għaddew, amministrazzjonijiet differenti, investew bil-kbir f’sistemi tal-informatika u teknoloġija li f’ħafna każi jippermettu lill-ħaddiema jaħdmu b’mod remot, jiġifieri mingħajr ma jkollhom jaħdmu bilfors mill-iskrivanija tagħhom. Illum kull ħaddiem tal-Gvern għandu l-email u għandu aċċess għal ħafna mid-dokumentazzjoni li għandu bżonn biex jaqdi dmiru. Il-Gvern għandu juża dawn is-sistemi biex jippermeti lill-ħaddiema tiegħu jaħdmu mid-dar.

Illum hemm kważi 50,000 ħaddiem fis-settur pubbliku. Jekk il-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema joqogħdu d-dar inkunu qtajna bil-kbir ħafna mir-riskji tat-tixrid tal-virus. Il-Gvern fl-istess ħin għandu jara x’għajnuna jista’ jagħti lil min iħaddem fil-privat sabiex dawn ukoll idaħħlu miżuri simili. Inqas nies fit-toroq, inqas nies fuq it-trasport pubbliku jfisser inqas tixrid ta’ din il-marda. Ir-raba’ miżura jrid ukoll minnufih jiddeċiedi fuq il-quarantine leave sabiex ineħħi l-inċertezza, li taf tissarraf f’periklu.

Il-Gvern għandu jieħu l-piż fuqu hu sabiex il-quarantine leave jieħdu kulħadd, kemm il-ħaddiema fis-settur pubbliku kif ukoll fil-privat. Dan huwa Gvern li ftaħar bis-surplus. Issa huwa ż-żmien li dak is-surplus, li wara kollox ġie bil-ħidma tan-negozjanti u l-ħaddiema tagħna, jintuża fl-interess tal-pajjiż meta l-iżjed għandu bżonn. Dawn l-erba’ miżuri, mhumiex faċli imma huma bżonnjużi u jistgħu jagħmlu d-differenza sabiex flok nimxu lejn stat ta’ kura nibqgħu fl-istadju ta’ prevenzjoni. Huwa evidenti li pajjiżna ma’ kienx ippreparat biżżejjed u issa rridu nieħdu dawk il-miżuri neċessarji biex nilħqu.

Jekk hemm bżonn, il-quarantine leave għandha tiġi estiża fuq dawk li jiġu mill-pajjiżi kollha li tħabbru s’issa li għandhom il-Coronavirus. Din hija miżura iebsa imma bżonnjuża. In negozji diġà qed jifhmu illi aħjar naħdmu flimkien qabel ma jkun tard wisq.

L-Oppożizzjoni trid tħeġġeġ biex niddiskutu, nfehemu u nispjegaw lin-nies u n-negozji taghna, u naraw x’riżorsi għandna nużaw biex nimxu ‘l quddiem. Il-preokkupazzjoni tiegħi hi li l-ewwel nitkellmu li għada ġurnata normali tax-xogħol, li għada ġurnata normali ta’ skola u tlett ijiem wara f’daqqa waħda nieħdu mizuri iebsin meta l-evidenza medika li għandha l-Oppożizzjoni u li diġà kellu l-Gvern, turina li fix-xhur li ġejjin se jiġri dak li ġara f’pajjiżi oħrajn. Irridu naħdmu bħala pajjiż flimkien billi naħsbu minn qabel u mhux nirreaġixxu.

Illum il-Gvern qal li jrid l-Oppożizzjoni tipparteċipa, aħna rridu nibqgħu nikkoperaw għax aħna stidinna lill-Gvern, u hu qalilna le. Aħna xorta b’umiltà qegħdin hawnhekk u lesti, ejja nibdew illum stess, billi llejla nissospendu x-xogħol normali tal-Kamra u niddiskutu dak li hemm bżonn għal pajjiżna. Ejja nibdew niddiskutu minn issa, aħna qegħdin hawn biex ngħinu u flimkien nindirizzaw id-diffikultajiet ta’ setturi differenti. Dan huwa mument li ma nistgħux ngħidu li huwa normali, ma rridux nallarmaw u nagħmlu paniku, imma rridu nippreparaw flimkien. Fejn pajjizna huwa lest insaħħuħ, u fl-oqsma li mhuwiex irridu naħdmu biex ngħinu. Adrian Delia sostla li l-PN fi ħsiebu jibqa’ jagħmel il-parti tiegħu, nitkellmu mal-unijns, ma dawk li jħaddmu, man-negozji biex noffru s-soluzzjonijiet tagħna.

Huwa temm jgħid, “Għal darba’oħra l-appell tiegħi huwa għall-kalma, l-iżjed ħaġa importanti hi li kulħadd isegwi l-istruzzjonijiet tal-Awtorità tas-Saħħa.”

 Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien hemm ukoll il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji Maria Deguara u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetż  Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech.