Lokali

Il-Bank of Valletta b’fond ta’ €10 miljun biex jgħin lin-negozji

Il-Bank of Valletta ħabbar numru ta’ miżuri b’appoġġ għall-klijenti tan-negozju li qed jiġu affettwati b’mod negattiv bħala riżultat tax-xenarju attwali minħabba l-COVID-19.

Dawn il-miżuri se jkunu kkunsidrati fuq bażi individwali skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull negozju. Dawn jistgħu jinkludu:

  • Twaqqif temporanju tal-pagamenti tal-kapital għal bejn tlett xhur u tnax-il xahar
  • Servizzi ta’ finanzjament tal-kummerċ (trade finance) permezz tal-Internet Banking mingħajr spejjeż addizzjonali
  • Provvediment ta’ direct working capital għall-klijenti li jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ cash flow

Il-Bank spjega li qed jalloka fond ta’ €10 miljun biex ikun jista’ jipprovdi direct working capital lill-negozji li jiffaċċjaw problemi ta’ cash flow. It-termini għall-provvediment tad-direct working capital huwa għal perjodu ta’ sitt xhur b’rata ta’ imgħax ta’ 3.5% li jista’ jitħallas lura fuq tnax-il xahar u t-tneħħija tal-ispejjeż relatati ma’ dan is-servizz.

Kull każ se jiġi analizzat fuq il-merti individwali tiegħu u jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-kreditu. Is-self massimu għal kull klijent ma jistax jaqbeż €500,000, biex hekk jiżgura li l-fond allokat ikun disponibbli għall-akbar numru ta’ klijenti possibbli.

Inizjattivi oħra għall-għajnuna jistgħu jiġu kkunsidrati skont l-esiġenzi partikolari tan-negozju.

Il-klijenti huma mitluba jikkuntattjaw lir-Relationship Manager tagħhom tal-BOV biex jingħataw informazzjoni addizzjonali dwar kif il-Bank jista’ jassisti n-negozju tagħhom.

Il-Bank of Valletta qed isegwi s-sitwazzjoni fuq bażi kontinwa b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa u se jkun qed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-Bank ikompli jappoġġja l-komunità tan-negozju.