Futbol Sport

Il-kampjonati lokali posposti minħabba l-Coronavirus għal għaxart ijiem

(Ritratt : Mfa.com)

Tard ilbieraħ filagħxija tħabbret id-deċiżjoni mill-MFA li tipposponi l-Kampjonati Lokali nkluż dak tal-Futsal għall-għaxar t’ijiem li ġejjin b’effett immedjat mil-lum. Dan wara li lbieraħ waranofsinhar l-MFA fi stqarrija ħabbret li l-logħob kollu se jkun qiegħed jintlagħab b’bibien magħluqa.

Jidher iżda, li numru ta’klabbs ma qablux mad-deċiżjoni meħuda mill-MFA u wara numru ta’ messaġġi fuq il-mezzi soċjali minn plejers, kowċis, timijiet u diriġenti u wara li wħud mill-klabbs irraportaw li xi plejers se jkunu qegħdin fi kwarantina volontarja, l-MFA ltaqgħat ma’ l-stakeholders kollha tagħha biex ittieħdet d-deċiżjoni li dan jiġi sospiż.

Fi stqarrija l-MFA ħabbret li logħob tal-Youths, friendlies, festivals u sessjonijiet ta’ taħriġ se jkunu posposti ukoll għall-għaxar t’ijiem li ġejjin. Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA li kellha ssir nhar is-Sibt ġiet posposta ukoll.
Id-deċiżjoni tal-MFA tapplika wkoll għal kampjonati inferjuri u kampjonati organizzatti minn memebri fi ħdan l-MFA. Fl-istqarrija tagħha l-MFA qalet li tifhem li din is-sitwazzjoni se tħalli mpatt finanzjarju negattiv fuq il-klabbs u se tkun qed tħejji pjan biex tindirizza dan l-impatt.

Fi dawl ta’ dan kollu l-MFA qalet li se tkun qed tikkunsidra kull eventwalità rigward il-logħob internazzjonali u se tkun qed tistenna d-deċiżjoni li se toħroġ mill-laqgħa bejn l-assoċjazzjonijiet u l-UEFA nhar t-Tlieta.
Fi tmiem din l-istqarrija l-MFA ordnat ukoll li tingħalaq il-pixxina li tinsab fil-Millenium Stand u ħabbret li l-uffiċini tagħha se jkunu magħluqin għall-pubbliku sakemm jinħareġ avviż ieħor. L-assoċjazzjoni se tkun qed tieħu l-miżuri kollha neċċessarji biex tieħu ħsieb il-ħaddiema u l-membri tagħha. Hi appellat biex kulħadd isegwi l-istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.