Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ b’appell lill-Gvern sabiex iwaqqaf fond ta’ emerġenza nazzjonali

Fis-sitwazzjoni kurrenti u fiċ-ċirkostanzi preżenti tal-COVID-19, il-Kamra tal-Kummerċ qed titlob lill-Gvern sabiex immedjatament u mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn jgħin lill-kumpaniji li qed iħabtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni diffiċli immens li poġġiethom fiha din il-pandemija.

Bħal ma għamlet fil-jiem preċedenti,ankè waqt laqgħat mal-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Kamra qed titlob lill-Gvern sabiex jgħin ill-kumpaniji f’dak li għandu x’jaqsam cash flow fid-dawl tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha u li għad nispiċċaw fiha.

Dan qed jiġu suġġerit li jsir bl-introduzzjoni ta’ tax breaks jew tax deferrals.

Li tingħata l-awtorizzazzjoni sabiex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jitħallsu b’lura kif ukoll i l-Gvern inhiedi diskussjonijiet estensivi mal-banek ewlenin f’pajjiżna sabiex jew jissospendi ħlas ta’ self kummerċjali jew nkella li l-Gvern joffri sabiex jaġixxi ta’ garanti lill-intrapriżi tal-privat grazzi għal fost oħrajn il-Malta Development Bank.

Ġie suġġerit ukoll li ħlasijiet tard li huma dovuti lill-intrapriżi privati involuti f’kuntratti pubbliċi għandhom jitħallsu immedjatament. Dan filwaqt li saħqu li għandu jitwaqqaf fond ta’ emerġenza nazzjonali sabiex l-istat joffri għajnuna lill-kumpaniji li diġà qed isibu diffikultajiet kbar fosthom l-industrija tal-ospitalità u tar-ristoranti.

Il-Kamra tal-Kummerċ talbet forma ta’ assistenza lill-kumpaniji simili għal dawk li ġew offruti taħt Gvern Nazzjonalista lura fl-2008/9 fil-kriżi ekonomika jew waqt il-kriżi fil-Libja lura fl-2011 – lil dawk il-kumpaniji li mhux ser ikunu jifilħu jħallsu lill-ħaddiema fuq bażi ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa

Il-Kamra tal-Kummerċ appellat ukoll lill-Gvern sabiex isemma’ leħnu fuq livell Ewropew ukoll hekk kif il-President tal-Kummissjoni wiegħed €25 biljun fil-Corona Response Investment Initiative sabiex tingħata assistenza lill-istati membri. F’każ li s-sitwazzjoni tiggrava, il-Gvern għandu jaħtaf l-opportunità.

Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li l-ebda pajjiż fid-dinja m’għandu r-riżorsi neċessarji sabiex iħabbat wiċċu ma’ din il-pandemija.