Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Pulizija fl-għama dwar dak li qal il-Prim Ministru lbieraħ

Il-Gvern messu ddiskuta d-direttivi u mal-unions u mal-amministrazzjoni qabel ma nħarġu

Fid-dawl ta’ dak li ħabbar ilbierah il-Prim Ministru Robert Abela, meta ddikjara li l-Membri tal-Korp tal-Pulizija se jkunu qed jiċċekkjaw lil dawk il-persuni li se jkunu fi kwarantina obbligatorja, l-MPA ħarġet stqarrija li tgħid li l-Korp għadu ma jafx kif se jkun qed isir dan l-eżerċizzju.

Permezz tal-istqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ġibdet l-attenzjoni lill-Gvern dwar il-fatt li għadhom ma ħarġu l-ebda linji gwida dwar kif il-membri tagħha ser imorru jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet, x’ser jagħmlu eżatt, u x’tip ta’ kuntatt u kontroll ser jkun hemm. Huma saħqu wkoll dwar l-importanza li l-membri tal-Korp li se jkunu qed jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet jingħatalhom l-ilbies protettiv..

L-MPA qalet li jekk mhux ser ikun hemm dawn il-linji gwida regolarizzati mid-Dipartiment tas-Saħħa fi żmien 24 siegħa mil-ħin tal-istqarrija, l-hija ser toħroġ direttiva lill-membri tagħha biex dawn l-ispezzjonijiet ma jsirux.

Huma saħqu wkoll li direttivi bħal dawn messhom ġew diskussi qabel ma nħarġu mal-unions, flimkien mal-amministrazzjoni u d-Dipartiment u mhux l-ewwel jinħarġu u mbagħad “naraw x’jigri”.

L-MPA talbet li din is-sitwazzjoni tiġi riżolta malajr kemm jista jkun għan-nom tal-membri tagħha kif ukoll għal ġid tal-pajjiż.