L-Assoċjazzjoni tar-Radjoloġisti u n-Nuclear Medicine Physicians ingħaqdet mal-Assoċjazzjoni Medika u ma’ dik tal-Anestetisti fl-appell tagħhom għal miżuri aktar drastiċi mis-saħħa pubblika għat-trażżin tal-virus, fl-istess passi tar-Repubblika Ċeka, il-Polonja, l-Iżrael u Ċipru.
Huma qalu li hija ta’ importanza li l-pubbliku jifhem is-serjetà tal-virus Covid-19 bħala xi ħaġa ta’ bla preċedent. Fil-każ li l-virus jinfirex f’pajjiżna, ir-radjioloġisti qed iwissu li jkun hemm impatt kbir fuq is-servizzi tas-saħħa pubblika lokali. Żieda fil-każi jista’ jixxokkja lis-sistema tas-servizzi bir-riżultat li jkun hemm riskju għoli ħafna ta’ mwiet.
Dan kollu jista’ jiġi mrażżan permezz ta’ miżuri stretti mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Dawn il-miżuri ħadmu fit-trażżin tat-tixrid tal-virus f’pajjiżi bħal Hong Kong. L-Assoċċjazzjoni qed tħeġġeġ il-Gvern biex ma jkaxkarx saqajh fl-implimentar ta’ miżuri ta’ dan it-tip mingħajr aktar telf ta’ żmien.
L-Assoċjazzjoni qed tħeġġeġ lil dawk kollha li ġew lura minn barra fl-aħħar ġimgħatejn biex iżommu strettatment mad-direttiva tal-kwarantina. Ħeġġet ukoll lil kulħadd biex jevitaw li jmorru f’folol, biex jevitaw kuntatt personali bla bżonn bħal teħid bl-idejn, biex iżommu iġjene tajba tal-idejn, biex jevitaw vjaġġar bla bżonn, u biex iżommu strettament ma’ l-istruzzjonijiet maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u mill-awtoritajiet tas-saħħa.
//= $special ?>