Lokali Parlament

Jeħtieġ attenzjoni għall-mod kif qed tinbidel is-soċjetà Għawdxija

– Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li jeħtieġ attenzjoni għall-mod kif qed tinbidel is-soċjetà Għawdxija.

Fil-parlament Kevin Cutajar qal li l-utilità tal-mozzjoni dwar il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex jista’ ma jinftiehimx minn dawk li m’humiex Għawdxin iżda l-Għawdxin jifhmu dan il-bżonn għaliex huma jgħaddu mit-tbatijiet ta’ kuljum.

Dan anki minħabba li Għawdex hu gżira maqtugħ bil-baħar li dejjem għamel differenza kbira fil-mod kif l-Għawdxin jgħelbu l-isfidi tal-ħajja tagħhom. Dan il-Kumitat jista’ jservi ta’ pjattaforma oħra biex l-Għawdxin ikunu jistgħu jiddibattu l-kwistjonijiet li jolqtu lil Għawdex, li għandu nuqqas ta’ opportunitajiet li jjkun dibattitu bejn dawk li jħossu l-polz ta’ Għawdex.

Hu qal li fl-UE Għawdex iggwadanja status anki fir-riżorsi li waslu lejn Għawdex; liema fondi għamlu differenza kbira f’Għawdex. Jeħtieġ li l-Awtorità dwar l-Iżvilupp ta’ Għawdex tibda tiffunzjona u tagħti r-riżultati.

Għawdex jinsab f’salib it-toroq għaliex bl-iżvilupp kollu li sar, Għawdex ma laħħaqx mal-aspettativi tal-Għawdxin bil-konsegwenza li ħafna qed ikollhom jitilqu mill-gżira biex isibu l-opportunitajiet f’Malta. Is-sitwazzjoni soċjali f’Għawdex qed tinbidel u qed tixjieħ iżda dan mhux jingħata l-attenzjoni meħtieġa.