Lokali

Jitħassru l-festi interni tal-Festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat

L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u l-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu ħabbru li fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed iseħħu marbuta mal-COVID-19, sfortunatament b’responsabbiltà lejn is-saħħa tan-nies iddeċidew li jħassru l-festi interni li kellhom isiru fil-Knisja marbuta mal-festa ta’ San Ġużepp.

Ġew ikkanċellati wkoll kull attivitajiet li kellhom isiru fil-Każin tal-Banda L’Isle Adam sal-Ħamis 19 ta’ Marzu, 2020 flimkien mal-programm tal-logħob tan-nar tal-ajru. Madanakollu fl-istqarrija ingħad li fid-19 ta’ Marzu ser jinħaraq il-logħob tan-nar tal-ajru fit-8am, 12pm u 7pm.

L-aħħar ċelebrazzjoni marbuta mal-festa ser tkun qed issir l-Ġimgħa 13 ta’ Marzu b’adorazzjoni fil-1730 u fis-1800 tingħata bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies.

Għaldaqstant, wara dan kollu, ġie deċiż li kemm l-armat tal-knisja kif ukoll tat-toroq jibdew jiżżarmaw.

Dan wara li jumejn ilu tħabbar li kienu ġew kkanċellati il-festi esterni marbuta ma din il-festa.