Coronavirus Lokali Saħħa

Jitwaqqfu għal kollox iż-żjarat fid-djar tal-anzjani u residenzi għal persuni b’diżabilità

Ritratt mill-arkivji

Qed jitwaqqfu b’mod immedjat iż-żjarat kollha fid-djar tal-anzjani. Dawn jinkludu dawk tal-gvern, dawk tal-knisja, dawk privati u r-residenza ta’ San Vinċenz De Paul.

Il-Ministeru Għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u mis-Segretarjat Parlamentari Għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità fi stqarrija ħabbar dan bħala prevenzjoni, fid-dawl tal-aħħar żviluppi fit-tifrix ta’ Covid-19.

L-istqarrija tgħid li se jkunu jistgħu jidħlu biss u f’każi eċċezzjonali dawk il-persuni li jirrakkomandaw in-nursing officer, jew it-tabib jew il-kap tad-dar residenzjali stess. Din l-għażla se tiġi ddeterminata abbażi tal-kundizzjoni tar-resident, liema kundizzjoni gravi tkun tiġġustifika t-tali eċċezzjoni. 

Barra minn hekk qabel ma jidħol, kwalunkwe viżitatur se jsirlu l-istess monitoraġġ li qed isir bħalissa. Din il-proċedura tapplika wkoll għad-djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità. 

Kulħadd huwa mitlub jifhem li f’dan iż-żmien hemm bżonn li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu ssalvagwardjati l-anzjani u l-persuni vulnerabbli.

L-istqarrija ttemm tgħid li din id-deċiżjoni, bħad-deċiżjonijiet l-oħra li l-Gvern qed jieħu f’dan il-perjodu, qed tittieħed għall-ġid tagħna u l-għeżież tagħna.