Coronavirus Edukazzjoni Lokali

L-iskejjel għandhom jingħalqu mingħajr aktar dewmien għall-ġid tal-istudenti u għall-ġid ta’ pajjiżna

Ħudu azzjoni qabel ikun tard wisq 

L-iskejjel kollha għandhom jingħalqu mingħajr aktar dewmien għall-ġid tal-istudenti u għall-ġid ta’ pajjiżna. Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia flimkien mad-Deputat tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli fejn spjegaw li għandha tittieħed azzjoni qabel ikun tard wisq.

Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għall-għeluq temporanju immedjat tal-iskejjel kollha fid-dawl tal-iżviluppi nazzjonali u internazzjonali tal-COVID-19.

Huma saħqu li f’pajjiżna ta’ kuljum qed naraw każijiet ġodda tal-COVID-19 jitfaċċaw u jeħtieġ li nagħmlu dak kollu possibbli biex inrażżnu t-tixrid tiegħu. In-nuqqas ta’ azzjoni li tittieħdet fl-iskejjel fl-aħħar ġimgħat, inkluż kif qalu l-MUT nuqqas ta’ pjan imqar għal sanitizer f’kull klassi, qed twassal għal thassib serju fost il-ġenituri. Kull ġurnata li tgħaddi inqas ġenituri qed jibgħatu t-tfal tagħhom l-iskola.

L-MUT irrappurtat li ċertu skejjel kellhom attendenza biss sa 40% tal-istudenti u jidher li dan in-numru ma’ kull ġurnata qed jonqos. Issa qed jiġi rrappurtat li skejjel indipendenti se jkunu qed jagħlqu minn jheddhom minħabba s-sitwazzjoni. 

Ilbieraħ l-Għaqda Dinjija għas-Sahha (WHO) iddikjarat it-tixrid tal-COVID-19 bħalha pandemija filwaqt li wriet it-tħassib tagħha ghas-severità u l-livelli ta’ kif qed jinxtered il-virus u tħassib dwar in-nuqqas ta’ azzjoni adekwata bħala rispons ħhal din il-pandemija. Jekk ma titteħidx azzjoni jista’ jagħti l-lok li jinxtered il-virus b’kaġun li eluf ta’ student u l-familji tagħhom jispiċċaw ma jifilħux.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob biex immedjatament issir id-diskussjoni neċessarja biex l-affarijiet isiru b’urġenza u bi pjan u fl-istess ħin bil-galbu u bl-anqas ħsara possibbli.