Lokali Qorti

Raġel ieħor fil-Qorti fuq vjolenza domestika, mixli li hedded lill-familja b’ċilindru tal-gass

Raġel ieħor minn fost il-lista twila ta’ każijiet li qed jispiċċaw il-Qorti ġie mixli bi vjolenza domestika. Huwa ġie mixli fil-Qorti tal-Maġistrati li hedded lill-familja tiegħu, f’dan il-każ, il-mara u t-tfal b’ċilindru tal-gass.

L-akkużat għandu 62 sena u residenti s-Swieqi u tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, akkużat li nselenta u hedded l-aktar familjari qrib tiegħu u li kiser il-paċi pubblika.

Nhar it-Tlieta, 10 ta’ Marzu, huwa kellu argument ma’ martu, li huwa mifhum li għandha problemi mentali, bir-raġel jitlef il-kontroll b’mod totali. Wieħed minn uliedu qal lill-Pulizija li l-akkużat hedded lill-membri tal-familja b’ċilindru tal-gass. Dan stqarru l-Ispettur Leeroy Balzan Engerer, li ressaq lir-raġel.

L-avukati tal-akkużat, Ishmael Psaila u Jean Paul Sammut qalu lill-Qorti li l-klijent tagħhom mhux ħati għal dak kollu li kien qed jiġin akkużat u għamlu talba għal libertà pġroviżorja.

Il-Prosekuzzjoni talbet li f’każ li din it-talba tiġi milqugħa, għandu jkun hemm ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi. Din it-talba kienet milqugħa, kif kienet milqugħa l-libertà proviżorja fil-konfront tar-raġel fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €2000. Isem l-akkużat mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-identità tal-allegati vittmi.