Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq kompliċità dwar theddida ta’ bomba fuq vapur tal-Gozo Channel

Mill-arkivji

Joelle Galea ta’ 35 sena minn Tas-Sliema ġiet kkundannata 16-il xahar priġunerija sospiżi għal 42 xahar wara li nstabet ħatja ta’ kompliċità f’telefonata anonima lill-Pulizija kif ukoll li kisret l-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti f’każ ieħor

Il-każ seħħ fit-8 ta’ Mejju 2018, meta l-Pulizija kienet rċeviet rapport ta’ theddida ta’ bomba fuq vapur tal-Gozo Channel. Dakinhar is-servizz tal-Gozo Channel kellu jiġi sospiż għal madwar tliet sigħat u nofs sakemm saru l-verifiki meħtiega fejn rriżulta li r-rapport kienwieħed falz.

Dwar dan il-każ kien tressaq ukoll Ronald Mallia ta’ 33 sena mill-Mosta fejn kien ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih u ġie kundannat 10 xhur ħabs. It-theddida kienet saret filgħodu kmieni, meta Mallia ċempel minn ‘telephone box’ fil-Belt, fejn inqabad ukoll fuq filmati tas-sigurtà.

Meta kien ġie interrogat mill-Pulizija, kien żvela li kien ġie mġiegħel jagħmel din it-telefonata minn Joelle Galea li tgħix Għawdex, u li riedet tipposponi s-smigħ ta’ kawża li kellha fil-Qorti ta’ Malta.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħadet inkunsiderażzzjoni tal-fatt u qieset sew ix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation u tat-tabib kuranti taghha, minn fejn irriżulta bla dubju, li l-għemil ta’ Galea sehh fi żmien meta kienet mifnija mill-vizzju tad-droga u għalhekk mhemmx dubbju li ftit setgħet tqis il-konsegwenzi li l-għemil tagħha seta’ jkollu.

Dan kollu huwa magħdud mar-rakkomandazzjoni tal-istess uffiċjal, li Galea għandha tibbenifika minn moniteraġġ kontinwu filwaqt li tissokta fit-triq ta’ progress li bdiet miexja fiha. Il-Qorti qalet li mhux tal-fehma li Galea għandha tinghata piena karċerarja ghalkemm il-piena mogħtija għandha tirrifletti l-gravità tal-għemil tagħha.

L-għemil, kien wiehed li qajjem paniku fil-pajjiż u mhux sempliċement għal dawk li riedu jaqsmu l-fliegu. Bla dubju ħoloq tħassib għal dawk li jużaw is-servizz, kif ukoll ghall-familjari tagħhom.

Il-Qorti qalewt ukoll li dan kien aġir li ċertament issarraf f’telf kbir finanzjarju u ħela ta’ riżorsi b’mod partikolari dawk tal-Pulizija kif ukoll tal-Armata. Ingħad ukoll li passiġġieri li jkollhom jaqsmu bejn iż-żewg gżejjer mhux neċessarjament jagħmlu dan b’kapriċċ jew ghad-divertiment, izda l-parti l-kbira tagħhom hi kostretta tagħmel dan it-traġġit għall-ragunijiet ta’ saħħa, negozju w impjieg.

l-Maġistrat sostniet li dan l-għemil insensat w inuman, seta’ kellu konsegwenzi ferm u ferm aktar gravi. Qalet li wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat jekk għandux ikun hemm aggravju fil-pieni applikabbli għal reati simili, meta l-għemil magħmul, ikun dirett lejn post pubbliku, lejn faċilità tal-istat jew tal-gvern, lejn faċilità infrastrutturali jew lejn xi sistema ta’ trasport pubbliku.

Qalet li l-effetti tar-reat huma ferm aktar mifruxa u jaffettwaw il-pubbliku in ġenerali aktar u aktar meta jitratta għoti ta’ servizz indispensabbli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit mill-Iskwadra ta’ Kontra Terroriżmu.