Coronavirus Knisja Lokali

Sospiżi l-funzjonijiet reliġjużi b’effett immedjat

Ritratt: Joseph Galea

B’effett immedjat twaqqfu l-funzjonijiet reliġjużi kollha, inkluż il-Quddies ta’ kuljum u ta’ nhar ta’ Ħadd.

Dan ħabbritu l-kurja b’deċiżjoni tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex wara li saret konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa. Dan ifisser li ser tkun qed titwaqqaf il-katekeżi tat-tfal fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex.

Fi stqarrija intqal li l-Insara qiegħdin jingħataw id-dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Dan kollu ittieħed bħala miżura ta’ prekawzjoni għall-ġid komuni.

Ġie spjegat li f’każ ta’ funeral, is-saċerdot ser imexxi r-rit tat-tberik tal-fdalijiet fiċ-ċimiterju, peress li dan huwa post fil-miftuħ, fil-preżenza tal-qraba l-aktar stretti. Is-saċerdot imbagħad, fil-privat, joffri Quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-mejjet. Il-knejjes ser ikunu miftuħin fil-ħinijiet tas-soltu għal mumenti ta’ talb privat.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tas-Sibt u l-Ħadd ser tkun qed tixxandar fuq TVM2 mis-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex – fost oħrajn.

Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor.