Internazzjonali

Tom Hanks u Daniele Rugani pożittivi għall-COVID-19

Fl-Italja skont l-aħħar rapporti hemm 10,590 każ ta’ Coronavirus filwaqt li sa issa mietu 196 persuna oħra, bl-ammont ta’ mwiet b’kawża tal-virus jitla’ għal dak ta’ 827.

Kawża ta’ din il-firxa esponenzjali tal-virus, il-Prim Ministru Giuseppe Conte ħa miżuri oħra wara li ħabbar l-għeluq tal-ħwienet kummerċjali madwar il-pajjiż apparti dawk tal-merċa u l-ispiżeriji.

Dan filwaqt li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar li ssospenda l-ivvjaġar mill-Ewropa għall-Istati Uniti għat tletin jum li ġejjin wara li f’xandira televiżiva sostna li l-Unjoni Ewropea falliet mili tikkontrolla l-Coronavirus. Dawn ir-restrizzjonijiet ser ikunu qed jidħlu fis-seħħ mat-tokki ta’ nofsillejl tal-Ġimgħa filgħodu ħin Amerikan u ma japllikawx għaċ-ċittadini Amerikani.

Fl-Istati Uniti hemm ikkonfermati aktar minn elf u mitt każ, bi tmienja u tletin persuna mejta kawża tal-virus.

Kawża ta’ din id-deċiżjoni, l-istokks Ażjatiċi ħadu diksata liema bħalha.

Dan filwaqt li l-Indja ħabbret li ser tkun qed tissospendi l-VISA għaċ-ċittadini barranin sal-15 ta’ April. Din il-mossa mistennija tħalli impatt devastanti għall-ekonomija tal-pajjiż.

Intant ittestja pożittiv għal COVID-19 l-ewwel plejer tal-futbol fis-Serie A wara li tħabbar li d-difensur ta’ Juventus Daniele Rugani għandu l-Coronavirus.

Personalità oħra li sfortunatament ittestja pożittiv kien l-attur ċelebri Tom Hanks kif ukoll il-mara tiegħu. L-attur ta’ 63 ħabbar dan fuq il-midja soċjali waqt li kien jinsab fi Queensland, fl-Awstralja – hekk kif għaddej ġbid ta’ film dwar Elvis Presley.

Mandatory Credit: Photo by David Fisher/Shutterstock (10525963jj) Tom Hanks and Rita Wilson 26th Annual Screen Actors Guild Awards, Arrivals, Shrine Auditorium, Los Angeles, USA – 19 Jan 2020