Coronavirus Lokali Saħħa

FILMAT: 3 każijiet ġodda ta’ COVID-19

Wieħed mill-każijiet f'Malta ġie konfermat li fieq, iżda qiegħed jinżamm fi kwarantina

Il-każi ta’ nies li rriżultaw pożittivi għall-Coronovirus jitilgħu għal tnax hekk kif ġew żvelati 3 każijiet ġodda.

L-ewwel każ ilbieraħ filgħaxija kien ta’ raġel Malti ta’ 45 sena, li fil-11 ta’ Marzu beda jħoss sintomi ta’ sogħla u qtugħ ta’ nifs wara li fis-6 ta’ Marzu telaq għal Munich filwaqt li rritorna l-għada. Il-kundizzjoni medika hija tajba u qiegħed jinżamm fl-Infections Disease Unit fl-Isptar Mater Dei.

Il-familja tar-raġel hija ta’ 3 u s’issa ma jidhrux li żviluppaw sintomi ta’ COVID-19 waqt li qegħdin jinżammu fi kwarantina. Huwa jaħdem bħala self-employed u jidher li ma kellux kuntatt sinfikanti ma’ nies oħra.

Matul il-lejl ġew ikkonfermati 2 każijiet oħra. L-ewwel każ huwa ta’ Taljan ta’ 40 sena, li jaħdem online f’ Malta, li fid-29 ta’ Frar mar Pariġi u fis-6 ta’ Marzu irritorna Malta.

Fl-10 ta’ Marzu beda jħoss sintomi ta’ deni u sogħla ħafifa. Wara li għamel kuntatt fuq il-helpline, it-test li sar fuqu rriżulta pożittiv. Jidher li t-Taljan kellu kuntatt każwali ma’ 2 persuni oħrajn, li filwaqt li qed jiġu segwiti, qegħdin jinżammu fi kwarantina.

It-tieni każ pożittiv matul il-lejl hija ta’ Maltija ta’ 30 sena li hija ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Hija vvjaġġat lejn Brussell fil-5 ta ‘Marzu u rritornat fid-9 ta’ Marzu, iżda ħasset sintomi ta’ deni u ftit sogħla biss tlett ijiem wara.

F’dak il-waqt, hija rrappurtat għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu iżda r-riskju li xerrdet il-virus, huwa minimu għaliex mill-ewwel ikkuntattjat il-helpline u sar risk assessment. In-nies li għamlet kuntatt magħhom qegħdin jinżammu fi kwarantina iżda s’issa, ħadd ma rriżulta ebda sintomi.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tavża li issa se jibdew jaraw aktar każijiet frekwenti. B’hekk sissa hawn 12-il każ ta’ Coronavirus f’Malta. Minkejja dan, wieħed mill-każijiet f’Malta ġie konfermat li fih, iżda qiegħed jinżamm fi kwarantina.

Il-każijiet kollha huma impurtati, b’uħud fejn kien hemm trażmissjoni qawwija u oħrajn le. Sa issa jirriżulta li ma kienx hemm trażmissjoni lokali.