Coronavirus Lokali Qorti

Direttiva biex l-avukati ma jattendux il-Qorti

Wara diversi laqgħat u tentattivi mill-Kamra tal-Avukati mal-awtoritajiet konċernati biex jittieħdu l-miżuri preventivi neċessarji minnufih fil-Qrati tagħna bħala mezz ulterjuri ta’ kontroll u limitazzjoni fil-ġlieda kontra l-mxijja tal-Virus COVID-19, jidher illi s’issa l-Gvern għadu mhux qiegħed iqis tali miżuri bħala neċessarji.

Il-Kamra ma taqbilx – u hija tal-fehma li, bħala post pubbliku, fil-Qrati tagħna jaggregaw ruħhom numru konsiderevoli ta’ nies kuljum, mhux biss fl-awli iżda wkoll fil-kurituri tal-Qrati.  L-attività fil-Qrati hija propju avveniment pubbliku ta’ kuljum u għandu jiġi ndirizzat minnufih biex tiġi evitata l-interazzjoni ta’nies li hija l-aktar mezz komuni ta’ kif jista’ jinxtered l-istess Virus.

Il-Kamra hija tal-fehma illi l-pożizzjoni preżenti  mhix waħda idoneja biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ kull min huwa nvolut fosthom avukati, ġudikanti, impjegati tal-Qorti u l-pubbliku in ġenerali u din is-sitwazzjoni għandha tiġi ndirizzata b’manjiera deċiża u immedjatament.

Għalhekk il-Kamra qeda toħroġ direttiva lill-avukati kollha biex b’effett mis-16 ta’ Marzu 2020, ebda avukat m’għandu jattendi f’ebda Qorti jew Tribunal ieħor sakemm tingħata direttiva differenti.  Dan bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet inevitabbli u biex jottemperaw ruħhom ma’ termini legali għall-preżentata t’atti ġudizzjarji.

Il-Kamra tal-avukati tispera illi l-awtoritajiet kompetenti jgħarfu jintervjenu biex jieħdu l-miżuri effettivi u immedjati biex tiġi sospiża kull attività fil-Qrati qabel nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu.

Il-Kamra tal-avukati ser tibqa f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tal-Qorti biex issegwi żviluppi fis-sitwazzjoni u ser tkun qegħda taġġorna lill-avukati permezz ta’ annunċji fuq il-website.

Intant, f’komunikat mill-Qorti, tħabbar li numru ta’ kawżi li kellhom isiru l-ġimgħa d-dieħla ser jimxu għall-Mejju u Ġunju li ġej.