Lokali Saħħa

”Bżonn ta’ għajnuna diretta lin-negozji biex ma jfallux u jintilfux l-impjiegi” – Adrian Delia

“Quddiem il-krizi tal-Coronavirus, il-Partit Nazzjonalista qiegħed b’mod kontinwu jaħdem sabiex joħroġ bi proposti u ideat kostruttivi fl-interess nazzjonali – fuq quddiem nett, il-bzonn ta’ ghajnuna immedjata lin-negozji”.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia il-Ġimgħa filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-Covid-19.

Wara li l-Partit Nazzjonalista il-Ħamis talab  li ssir diskussjoni fil-Parlament dwar il-Coronavirus u l-Gvern m’aċċettax, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia enfasizza li m’ahniex nghixu f’perijodu ta’ business as usual.

Adrian Delia qal illi l-ewwel priorita għandha tibqa’ s-saħħa ta’ kulħadd iżda irridu niżguraw ukoll li d-daqqa li qed tieħu l-ekonomija tkun wahda li nifilħu għaliha…u biex dan iseħħ, kulħadd irid jerfa’ parti mill-piż.

Il-Kap tal-PN insista li l-Gvern irid jieħu azzjoni fejn jidħlu in-negozji, speċjalment dawk żgħar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal illi s-sistema tas-saħħa f’Malta ma kinitx preparata għal dan kollu u hija sfortuna kif dipartimenti u entitajiet tal-Gvern mhumiex preparati għal sitwazzjoni bħal din.

Hu qal illi f’pajjiżna hawn nuqqas kbir ta’ għarfien u l-informazzjoni li qed tingħata mhux qed tkun biżżejjed.

Minn naħa tiegħu, Il-Partit Nazzjonalista irid jassigura li l-Unjoni Ewropea tiddedika ir-riżorsi meħtieġa sabiex tgħin lin-negozji li qed ibatu.

Adrian Delia temm il-messagg tiegħu billi spjega x’ser tkun il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-COVID-19.