Coronavirus Formula 1 Sport

Posposti t-tlielaq tal-Formula 1 fl-Awstralja, il-Bahrain u l-Vjetnam

(Ritratt: EPA)

L-istaġun tal-Formula 1 mhux se jibda qabel Mejju wara deċiżjoni li ttieħdet kawża tat-tixrid tal-coronavirus. Dalgħodu, proprju ftit sigħat qabel l-ewwel sessjoni uffiċjali ta’ prattika, kien tħabbar li ġiet ikkanċellata l-ewwel Grand Prix tal-istaġun fl-Awstralja. Il-pressjoni żdiedet wara li McLaren kienu ħabbru li rtiraw mit-tellieqa minħabba li membru tagħhom għandu dan il-virus.

F’kummenti lill-media internazzjonali f’Melbourne, iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li kienu qed isegwu t-tlielaq l-oħra skedati fil-viċin u f’dak il-mument ma kienx lest li jikkummenta b’mod skjett minħabba li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala żvilupp kontinwu. Carey saħaq ukoll li se jkun f’kuntatt kontinwu biex jassiguraw l-aħjar interess ta’ kulħadd

Jidher li wara taħdidiet kontinwi mal-FIA, u l-organizzaturi tat-tlielaq ittieħdet id-deċiżjoni bi qbil mal-partijiet kollha li jipposponu wkoll il-Grand Prix tal-Bahrain skedata għat-22 ta’ Marzu kif ukoll l-ewwel edizzjoni tal-Grand Prix tal-Vjetnam skedata fil-5 ta’ April. Il-Grand Prix taċ-Ċina f’Shanghai kien diġà maqbul li mhux se ssir fid-19 ta’ April u b’hekk ifisser li l-ewwel erba’ tlielaq tal-kampjonat ġew posposti.

Fi stqarrija, il-Formula 1 qalet li qed jistennew li l-kampjonat jibda fl-Ewropa f’Mejju iżda minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19, se jkunu qed isegwu l-aħħar żviluppi. L-ewwel Grand Prix skedata f’Mejju hi tal-Olanda fiċ-ċirkwit ta’ Zandvoort, ċirkwit li se jkun qed jirritorna fil-Formula 1 wara nuqqas ta’ 35 sena.

Fi stqarrija maħruġa flimkien mill-FIA, il-Formula 1 u l-Korporazzjoni tal-Grand Prix fl-Awstralja, intqal li b’vot ta’ maġġoranza fost id-disa’ timijiet l-oħra, wassal biex l-attivitajiet f’Albert Park kellhom jitwaqqfu.