Coronavirus Futbol Sport

Il-Bundesliga sospiż sat-2 ta’ April

(Ritratt: EPA)

Minħabba ċ-ċirkostanzi tal-lum b’infezzjonijiet tal-coronavirus u każijiet suspettati b’rabta diretta mal-Bundesliga u Bundesliga 2, il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda li jipposponi s-26 ġurnata tal-kampjonati li kienu skedati li jintlagħbu mil-lum.

Il-Laqgħa Ġenerali tal-klabbs li se ssir it-Tnejn li ġej, se tiddeċiedi li l-logħob jibqa’ sospiż sat-2 ta’ April inkluż il-waqfa internazzjonali. Waħda mir-raġunijiet hi li l-infezzjonijiet tal-coronavirus huma qrib diversi klabbs u t-timijiet tagħhom u mhux eskluż aktar infezzjonijiet.

It-timijiet tal-Bundesliga 2 FC Nürnberg u Hannover 96 tpoġġew f’kwarantina mill-awtoritajiet lokali tas-saħħa. Waqt il-waqfa sa tmiem Marzu, il-klabbs kollha se jiddeċiedu kif ikompli, fosthom it-termini tal-kalendarju internazzjonali.

L-għan prinċipali hu li l-istaġun jispiċċa sas-sajf mill-perspettiva sportiva iżda wkoll biex ikunu salvati ċertu klabbs li jiżdied il-piż finanzjarju tagħhom. It-Tnejn li għadda, il-Kumitat Eżekuttiv qal li jekk il-logħob ikunu posposti, tkun sospiża l-ġurnata sħiħa ta’ logħob. Skont is-sitwazzjoni preżenti, dan ma għadux garantit.