Coronavirus Lokali

Il-Gvern għandu jinnegozja inċentivi biex jipproteġi l-investiment u l-impjiegi f’Malta

L-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija li għaddejja minnha l-Ewropa u d-dinja, diġa beda jinħass. Jeħtieġ li l-Gvern mill-aktar fis possibli, jieħu l-inizjattivi kollha li huma meħtieġa biex ikun ta’ sostenn għall-ħaddiema, min iħaddem u l-familji tagħhom. 

Permezz ta’ stqarrija il-Kap tal-PN Adrian Delia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar, u l-MEP’s Roberta Metsola u David Casa, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jinnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea pakkett ta’ inizjattivi u inċentivi biex min għandu investiment u diġa, jew se, jiffaċċja diffikultajiet ma jgħotorx quddiem il-konsegwenzi li l-epidemija ġġib magħha.

Dawn l-inċentivi għandhom jgħinu b’mod konkret lil kull min għandu investiment f’pajjiżna fosthom self-employed, sidien ta’ SMEs, lukandiera u ristorantiera, sidien ta’ fabbriki u industrijalisti oħra biex jiġi assigurat li l-ħaddiema jibqgħu f’impjieg. 

F’dawn iż-żminijiet, li mhux meqjusin bħala normali għaliex l-andament ekonomiku qed jinbidel kompletament, il-Gvern għandu responsabbilità akbar li joffri appoġġ u jirrikonoxxi s-sagriffiċji li jagħmlu minn jinvesti u l-ħaddiema. B’inċentivi ġodda li jindirizzaw il-problemi li qed jinħolqu, il-Gvern għandu jkun f’pożizzjoni li jipproteġi l-investiment u l-impjiegi f’Malta. Il-Gvern għandu jara li l-istrutturi governattivi joffru l-assistenza li hemm bżonn u jagħtu nifs lill-investituri.

Il-Gvern għandu jiżgura wkoll pakkett finanzjarju għal Malta u aċċess finanzjarju li jwieżen lill-investituri biex ikomplu jassiguraw l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom u l-impjieg tal-ħaddiem tagħhom. Ċertu diffikultajiet ekonomiċi diġa bdew jinħassu, filwaqt li oħrajn jistgħu jiġu antiċipati. Għaldaqstant nappellaw lill-Gvern biex jaġixxi bl-aktar mod mgħaġġel.

L-Oppożizzjoni nazzjonalista kif għamlet anki fuq l-inizjattivi marbuta fil-qasam tas-saħħa lesta li tagħti l-appoġġ sħiħ lill-Gvern.