Lokali

Il-GWU mhux ser taċċetta miżuri li jmorru kontra proċeduri u protokolli stabbiliti

Il-GWU mhux ser tkun qed taċċetta miżuri imposti u arbitrarji mingħajr ebda konsultazzjoni fejn hija rappreżentata li jmorru kontra proċeduri stabbiliti u/jew kontra dak li hemm fil-ftehim kollettivi, u/jew mhux skont protokolli uffiċjali. F’dan il-perjodu, il-Unjon b’sens ta’ dover Nazzjonali kienet ferm kawta fl-azzjonijiet tagħha biex ma tikkomplikax aktar is-sitwazzjoni minn dik eżistenti. Is-sitwazzjoni tal-lum titlob maturità u attenzjoni speċjali kemm fuq l-impatt ta’ saħħa kif ukoll dak ekonomiku.     

Il-GWU temmen li f’sitwazzjoni tant delikata hemm il-ħtieġa ta’ aktar kollaborazzjoni, kunsultazzjoni, djalogu u qbil bejn min iħaddem u min jirrappreżenta l-ħaddiema. Żgur li mhux il-waqt ta’ impożizzjoni fuq il-ħaddiema ta’ miżuri li jnaqqsu d-dħul tagħhom. Il-GWU irċeviet diversi lmenti  minn ħaddiema li ntbagħtu d-dar bil-leave għall-kwarantina u ġew infurmati li dan il-leave mingħajr ħlas jew li ser jitnaqqas mil-leave tagħhom jew minn leave tal-mard. Il-GWU għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara mill-bidu li l-kwarantina għandha tkun leave speċjali bi ħlas. Mhux aċċettabbli li l-ħaddiema jġorru dan il-piż finanzjarju ta’ dan il-leave.    

Il-GWU bħal f’kull sitwazzjoni straordinarja oħra lesta għal djalogu biex ilkoll flimkien insibu soluzzjonijiet aċċettabbli għal kulħadd. Fl-istess waqt lesta li min jikser proċeduri stabbiliti, ftehim kollettivi u protokolli uffiċjali skont l-Awtoritajiet Nazzjonali ser tkun qed tirreġistra tilwima industrijali f’kull post tax-xogħol skont il-ħtieġa.