Il-Premier League u l-English Football League pposponew il-logħbiet kollha fil-futbol Ingliż tal-anqas sat-3 ta’ April minħabba t-theddida tal-coronavirus. L-FA Ingliża pposponiet ukoll il-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Italja u d-Danimarka li kienu skedati għas-27 u l-31 ta’ Marzu rispettivament. Din il-miżura ttieħdet wara laqgħa urġenti tal-klabbs ilbieraħ filgħodu. Dan wara li tard ilbieraħ filgħaxija ħarġet l-aħbar li l-manager ta’ Arsenal Mikel Arteta u aktar tard il-midfielder ta’ Chelsea Callum Hudson-Odoi kkonfermaw li huma pożittivi għal dan il-virus.
Arteta mar f’iżolament skont il-linji gwida tal-awtoritajiet fil-pajjiż u l-iskwadra tal-ewwel tim flimkien mal-istaff tekniku għamlu l-istess. Ftit minuti wara dik l-aħbar, il-logħba ta’ Arsenal kontra Brighton is-Sibt ġiet posposta mill-ewwel. L-istess każ jgħodd għat-tim ta’ Everton wara li rapporti qalu li plejer tal-ewwel tim ħass sintomi tal-coronavirus filwaqt li Watford ikkanċellaw it-taħriġ wara li diversi plejers infurmaw lill-manager Nigel Pearson li ma kinux qed iħossuhom tajjeb.
Ħames membri tal-istaff ta’ Bournemouth fosthom il-gowlkiper Artur Boruc iżolaw lilhom infushom minħabba sintomi tal-Covid-19. Ilbieraħ, il-manager ta’ Leicester Brendan Rodgers kien qal li tliet plejers tiegħu nżammu bogħod mill-kumplament tat-tim wara li wkoll urew sintomi. Dan il-posponiment isegwi passi oħra li ttieħdu minn diversi assoċjazzjonijiet oħra madwar l-Ewropa fosthom is-Serie A fl-Italja, La Liga fi Spanja, Ligue fi Franza u l-Eredivisie fl-Olanda.
//= $special ?>