Atletika Coronavirus Sport

Il-Maratoni ta’ Londra u Boston se jsiru aktar tard matul is-sena

(Ritratt: EPA)

Il-Maratona ta’ Londra li kellha ssir fis-26 ta’ April, ġiet posposta u issa hi skedata li ssir fl-4 ta’ Ottubru minħabba t-theddida tal-coronavirus. Kull atleta li kien se jieħu sehem, jista’ jerġa’ jikkompeti mingħajr ma jerġa’ jħallas. Fuq in-naħa l-oħra, dawk l-atleti li ma jistgħux jieħdu sehem fid-data l-ġdida, jirċievu l-flus lura.

Id-direttur tal-avveniment Hugh Brasher qal li s-saħħa hi l-prijorità ta’ kulħadd. “Aħna nafu kemm din l-aħbar hi diżappuntanti għal ħafna, l-atleti li tħarrġu għal diversi xhur, l-eluf ta’ għaqdiet tal-karità li qed jiġbru l-flus u l-miljuni li jaraw it-tellieqa kull sena.”

Intant il-Maratona ta’ Boston li kienet skedata li ssir fl-20 ta’ April, ġiet posposta għall-14 ta’ Settembru. Dan l-avveniment li jattira aktar minn 30,000 parteċipant madwar id-dinja, jiġbed atleti minn kull sfera tas-soċjetà. Il-Maratoni ta’ Roma, Pariġi, Barċellona u Rotterdam ġew posposti jew ikkanċellati l-istess bħala ma ġara lill-Kampjonati tad-Dinja tan-nofs Maratona li kien se jsir fil-Polonja.