Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Partit Nazzjonalista jipproponi tnaqqis temporanju ta’ 50% fit-tariffi tad-dawl

Ir-roħs fil-prezz taz-żejt għandu jkun rifless fil-kontijiet tad-dawl

Hekk kif pajjiżna qiegħed jieħu diversi prekawzjonijiet sabiex jitnaqqas t-tixrid tal-Corona Virus, dan qiegħed iħalli impatt negattiv qawwi fuq l-ekonomija tagħna. Il-gvern huwa fid-dover li jagħmel dak kollu possibli sabiex l-poplu ma jerfax l-piż tal-konsegwenzi waħdu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li għax-xahar ta’ Marzu u April, it-tariffi tad-dawl u l-ilma jitnaqqsu b’50%.

Fl-aħħar jiem rajna  tnaqqis konsiderevoli ta’ kważi 30% fit-tnaqqis fil-prezz taz-zejt. Dan it-tnaqqis għandu jservi ta’ inċentiv lill-gvern sabiex jgħin lill-familji tagħna biex jirkupraw minn din id-daqqa. Apparti minn hekk, inċentivi bħal dawn huma meħtieġa għan-negozji żgħar u għall-qasam tat-turiżmu sabiex jirpiljaw malajr kemm jista jkun minn dan il-perjodu iebes.