Coronavirus Lokali Saħħa

Il-UĦM tesiġi għal lockdown preventiv sabiex dan il-virus jieqaf jinxtered

Il-UĦM Voice of the Workers permezz ta’ stqarrija qalet li l-pajjiż illum, għandu żewġ għażliet quddiemu: li jagħmel lockdown meta naslu f’każ ta’ emerġenza meta l-virus jibda jiġi trasmess minn persuna għal oħra lokalment jew li jagħmel lockdown preventiv sabiex dan il-virus jieqaf jinxtered.

Il-pożizzjoni tal-UĦM Voice of the Workers hija t-tieni waħda, jiġifieri li l-lockdown jidħol fisseħħ mill-aktar fis possibbli, għajr għall-provvediment tas-servizzi essenzjali.

Il-UĦM Voice of the Workers issuġerixxiet li dan il-lockdown isir bil-preavviż. Jekk dan il-virusjibda jiġi trasmess lokalment, il-possibbiltà kbira hija li l-pajjiż ma jkollux il-kapaċità fiżika u r-riżorsi umani meħtieġa sabiex ikun jista’ jindirizza s-sitwazzjoni.

Din il-union qed tinsisti li l-lockdown jgħodd bħala kwarantina u l-paga kollha tal-ħaddiema għandha tiġi mħallsa.

Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-Gvern hu fid-dmir li jiltaqa’ uffiċjalment mal-imsieħba soċjali kollha biex ilkoll flimkien jiftehmu pjan ħolistiku ta’ kontinġenza.

Sfortunatament wara lewwel laqgħa, li saret dalgħodu, bejn il-Gvern u l-unions tal-impjegati, ma ntlaħaq ebda qbil fuq meta jibda il-lockdown.

Intant, il-UĦM ikkomunikat mal-postijiet tax-xogħol u infurmathom biex ikunu konsultattivi u jikkomunikaw fuq kull bidla li ssir. Fin-nuqqas ta’ dan, il-union ikollha tieħu azzjonijiet industrijali.

Barra minn hekk, qed ikun hemm istanzi fejn ċertu ħaddiema mhumiex qed jingħataw ilprotezzjoni meħtieġa, inkluż tagħmir protettiv. Fin-nuqqas ta’ dan kollu, il-UĦM se tieħu passi sabiex tassigura s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Il-UĦM Voice of the Workers tittama li dan il-messaġġ li qed tgħaddi lill-Gvern ma jitteħidx tard wisq:

• Tfakkar illi hi diġà tat il-parir li l-kwarantina ma tkunx volontarja u nafu x’kien l-esitu tan-nuqqas ta’ din id-deċizjoni;
• Tfakkar li hi tat il-parir li jitwaqqfu t-titjiriet minn high risk zones, u nafu li l-maġġoranza tal-każijiet oriġinaw mill-Italja.

Il-UĦM tenniet li dawn iż-żewġ pariri waħidhom, li kieku ttieħdu mill-Gvern f’waqthom, kieku s’issa għad ma għandniex każijiet ta’ Coronavirus.