Lokali Qorti

Il-verdett fil-ġuri dwar il-qtil taċ-China mistenni s-Sibt wara li l-Imħallef bdiet l-indirizz tagħha

Il-verdett fil-ġuri li l-Ġimgħa daħal fid-disa’ jum tiegħu ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala “Il-Vojt” ta’ 39 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech, tliet snin ilu f’Birkirkara mistenni s-Sibt.

Dan wara li l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bdiet l-indirizz tagħha lill-ġurati dwar il-każ, liema ndirizz tagħha għandha ttemmu s-Sibt filgħodu meta mbgħad tibgħat lill-ġurati jiddeliberaw il-każ.

Qabel bdiet l-indirizz l-aħħar kelma kienet tad-difiża fejn l-avukat Edward Gatt insista li Bartolo qatel lil Grech, magħruf bħala ‘Iċ-China” wara li dan tal-aħħar aggredih. Tenna li żgur ma riedx joqtlu għal qartas droga, u li għax ma riedx iħallsu b’mod immedjat, il-vittma ma kienx ħadha sew.

L-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-avukat Mark Vassallo qed jidher għall-akkuat talab lill-ġurati biex ma jħallux il-preġudizzju jidħol fin-nofs mal-verdett. “Minkejja li persuna tieħu d-droga ma jfissirx li dan timxu miegħu b’mod differenti, l-istess għall-persuni li huma nvoluti fit-traffikar tad-droga.

L-Avukat, kif saħaq kemm il-darba għafas ħafna mal-ġurati fuq il-fatt li skont hu ħadd ma joqtol għal doża żgħira ta’ droga. Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qed timxi fuq it-teżi li l-akkużat mhux minnu li kien qed jibża’ mill-vittma li sofra minn sitt daqqiet ta’ mus iżda beża’ biss li kien se jinqabad.

Sadanittant l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet lill-ġurati biex jiżnu l-fatti li semgħu fl-awla tal-Qorti biex jaqslu għall-verdett u jannalizzaw bir-reqqa il-fatti tax-xhieda li huma semgħu f’dan il-ġuri.

L-Avukat Kevin Valletta, li flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti-ċivili għan-nom tal-vittmi.

Bartolo qed jiġi akkużat li qatel lil Roderick Grech ta’ 26 sena, f’Birkirkata u dan talli allegatament il-vittma ma riedtx ibiegħlu d-droga bid-dejn. Bartolo qed jiġi akkużat li ta d-daqqiet ta’ arma li taqta u bil-ponta fuq in-naħa ta’ wara tal-għonq tal-vittma, f’sidru, f’saqajh u jdejh.